NET TV - Klinika - 23 ta’ Marzu, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm Klinika li xxandar fi-23 ta’ Marzu, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt din l-edizzjoni kien hemm rokna informattiva ma’ Lucienne Bezzina mill-emCare li tkellmet dwar il-ħtieġa li n-nies ikollhom ċertu makkinarju d-dar. Peress li r-rokna kienet fuq il-kardjoloġija, il-mistiedna introduċiet apparat magħruf bħala chubb u l-on wrist li jkun imqabbad maċ-Chubb u fis-sensiela ta’ reklami li xxandru eżatt wara li spiċċa dan il-feature, ixxandar reklam tal-emCare li matulu deher l-apparat on-wrist li kien deher ftit qabel fir-rokna informattiva.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Karl Gouder għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lil Ms Marica Mizzi għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fil-21 t’April, 2015.

Minn naħa tagħha Ms Mizzi filwaqt li ammettiet l-akkuża saħqet li dan kien każ sfortunat fejn minħabba l-fatt li r-reklamar huwa responsabbilta’ tal-istazzjon u mhux tal-produzzjoni kien hemm nuqqas ta’ ftehim dwar ir-reklami li kellhom jixxandru waqt l-edizzjoni tal-programm in kwistjoni, bil-konsegwenza li nħolqot assoċjazzjoni bejn parti informattivi/edukattiva u r-reklam. 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wriet l-apprezzament tagħha li dan il-programm fl-assjem tiegħu huwa wieħed informattiv u huwa ta’ servizz għat-telespettatur madanakollu l-provvedimenti tal-liġi kellhom ikunu osservati. L-Awtorita` ħadet ukoll konjizzjoni tal-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istess sabiex ma jirrepetix dan in-nuqqas.

Illum 30 t’April, 2015