Deċiżjoni għal akkuża datata 2 ta’ Lulju kontra NET TV dwar ksur tad-direttiva rigward qari ta’ sunt u filmati li ma xxandrux wara deċiżjoni tal-Awtorità
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża mill-Kap Eżekuttiv fil-konfront ta’ NET TV datata 2 ta’ Lulju 2024 u dan wara li l-istazzjon naqas milli jaderixxi ma’ deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu stess wara li l-istess kiser id-Direttiva tal-Awtorità. Is-seduta ta’ smigħ inżammet fit-18 ta’ Lulju 2024 u preżenti għas-seduti dehru s- Sur Karl Gouder Chief Operations Officer ta’ Medialink Communications Ltd u Dr Michael Piccinino bħala rappreżentant legali tal-istazzjon u Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap Eżekuttiv qalet li wara li l-istazzjon kiser id-Direttiva minħabba li ma stedinx rappreżentanza ta’ veduti politiċi differenti, l-Awtorità kienet ħadet deċiżjoni u talbet lill-istazzjon jaqra sunt tad-deċiżjoni imma wkoll biex jaderixxi ma’ Paragrafu 10 tal-istess Direttiva u jxandar il-filmat li jintbagħtu mill-partiti politiċi fi spazju ta’ ħin speċifiku fis-6 ta’ Ġunju bejn is-7pm u l-11pm. Qalet li minħabba li lanqas dawn ma xxandru, nħarġet din l-akkuża. Ikkonkludiet li n-nuqqas tal-qari tas-sunti u tax-xandiriet ġew trattati fl-insjem.
Dr Michael Piccinino, rappreżentant tal-istazzjon u Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, staqsa jekk il-materjal kienx intbagħat fis-19:17 wara l-business day, (b’referenza għall-interpretation act) meta ħadd ma kien qed jara l-emails. Qal li meta ġiet moqrija l-email kien għadda l-perjodu ta’ żmien li wieħed seta’ jxandar dan il-kontenut. Qal ukoll li ma jippretendi lil ħadd li jkun qed jara l-emails f’ċertu ħinijiet.
Dr Joanna Spiteri qalet li l-interpretation act mhix riferita fid-Direttiva.
Dwar il-qari ta’ sunti Dr Michael Piccinino u s-Sur Karl Gouder irreġistraw ammissjoni dwar dawn il-punti.
Meta l-partijiet u l-Kap Eżekuttiv ħallew is-seduta, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.
Fid-dawl ta’ ammissjoni l-Bord irrefera għal Skeda 5 ta’ Kap.350 dwar ksur ta’ Artikolu 15 u qed jimmulta lill-istazzjon is-somma ta’ €4,660 li għandha titħallas fi żmien 60 jum mid-data ta’ din id-deċiżjoni.
Il-Bord qed jidderieġi lill-istazzjon jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni matul il-bulettin tal-aħbarijiet fi żmien 48 siegħa minn din id-deċiżjoni.
2 ta’ Awwissu 2024
Smigħ 10/2024 Numru 5
Ref: 64/01