NET TV - Malta Illejla - 24 ta' Marzu 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Malta Llejla fuq NET TV kien hemm ksur ta’ Artikli 5.2, 5.3 u 6.2. tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sinjura Pauline Sciriha, telespetattriċi li resqet ilment kontra l-istazzjon peress li dan naqas li jonora l-obbligi tiegħu meta ma kkonsenjax żewġ premjijiet konsistenti f’żewġ vouchers fl-ammont ta’ €300 u €1,000 rispettivament, liema premjijiet kienu dovuti lis-Sinjura Sciriha in vista tal-parteċipazzjoni tagħha f’kompetizzjoni waqt l-imsemmi programm, propju f’edizzjonijiet li xxandru f’Mejju u f’Ottubru, 2009 rispettivament.  Għal dan is-smigħ l-istazzjon naqas li jibagħat rappreżentanti u dan minkejja li kien ġie notifikat permezz ta’ ittra datata 18 ta’ Marzu, 2010. 

Wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tas-Sinjura Sciriha u tal-fatt illi n-nuqqas tal-istazzjon li jattendi għas-smigħ mingħajr pre-avviż kellu jitqies bħala ammissjoni, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u imponiet il-penali relattiva ta’ €1,164, madanakollu fiċ-ċirkostanzi tal-każ qablet, li tissospendi din id-deċiżjoni u tagħti lill-istazzjon ħmistax-il ġurnata żmien sabiex jonora l-obbligi tiegħu fil-konfront tas-Sinjura Sciriha u fin-nuqqas ta’ dan, il-penali tiġi effettiva immedjatament.  Ninfurmak illi f’każ li l-istazzjon jonqos li jonora l-obbligi tiegħu kif indikat apparti l-impożizzjoni tal-imsemmija penali l-Awtorità ser tippubblika d-dettalji u d-deċiżjoni tagħha dwar dan l-ilment.