L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm Malta Llejla tat-18 ta’ Mejju, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K (c)(iii) tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon xandar reklam li kien juri tifel jiddaħħal ġo bagalja minn missieru bil-għan li jkun iffrankat il-biljett għal cruise, liema reklam, skont l-akkuża kien “jinkoraġġixxi mġiba li tkun ta’ ħsara għas-saħħa jew għas-sigurta’”.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Elton Abela, li kien qed jidher għan-nom tal-istazzjon f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Ġunju, 2012. Ir-rappreżentant tal-istazzjon ikkontenda li minn naħa tiegħu ikkontenda li r-reklam in kwistjoni kien ilu jixxandar u ma kienx konxju li kien hemm xi problema dwaru. Żied li għall-istazzjon dan ir-reklam kien wieħed umoristiku u li fl-ebda mument ma kien hemm ħjiel li dan setgħa jkun ta’ ħsara jew periklu.
L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-rapporti relattivi, ma kienitx konvinta li kien hemm ksur tal-Artiklu tal-Liġi tax-Xandir ċitat, madanakollu, qablet li r-reklam in kwistjoni kien iwassal messaġġ żbaljat u għalhekk ddiriġiet li kellha tinħareġ direttiva lill-istazzjonijiet kollha ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir sabiex jitwaqqaf ix-xandir tal-istess reklam.
11 ta' Ġunju 2012