L-Awtorità kellha quddiemha akkuża maħruġa mill-Kap Eżekuttiv kontra Media.Link Communications Ltd. li kienet tirrigwarda x-xandiriet fuq NET TV li saru fis-1.11 pm u fis-2.10 pm ta’ nhar is-Sibt 10 Marzu 2012 li fihom deher il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista iżur lokalitajiet li fihom kienet qed issir l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, fosthom il-Mosta u Ħal-Safi, u li f’dawn il-filmati l-Prim Ministru deher jieħu b’idejn u jkellem uħud mill-kandidati li kienu qed jikkontestaw fil-lokalità. Fl-akkuża tiegħu il-Kap Eżekuttiv allega li dawn ix-xandiriet saru bi ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir għall-programmi u reklami mxandra matul il-perjodu 13 ta’ Frar sal-10 ta’ Marzu 2012.
L-Awtorità semgħet il-każ waqt is-seduta li saret nhar it-Tlieta 3 ta’ April, 2011 u li fiha dehru Ms Louiselle Vassallo assistita mill-Avukat Karol Aquilina, l-Avukat Paul Borg Olivier, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, u s-Sur Nathaniel Attard, Kap tal-Aħbarijiet ta’ NET TV.
Il-Kap Eżekuttiv spjega li nhar is-Sibt 10 ta’ Marzu, ġurnata li matulha kienet qed issir l-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’numru ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex, kienet ikkunsidrata bħala "jum ta’ silenzju" skont il-liġi, u d-Direttiva maħruġa mill-Awtorità ai termini tal-Artiklu 15 ta’ l-Att Dwar ix-Xandir, tgħid b’mod ċar li "Matul il-jum qabel l-elezzjonijiet u dakinhar tal-votazzjoni ma jista’ jsir ebda xorta ta’ xandir li b’xi mod jista’ jinfluwenza l-votanti". L-istess Direttiva tgħid ukoll li "għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet minn stazzjonijiet tax-xandir li matul il-perijodu ta’ żmien is-skiet ikunu trasmessi programmi li jistgħu raġonevolment jiġu interpretati li qed jixxandru bil-ħsieb li jinfluwenzaw il-votanti".
Huwa spjega li meta ħareġ l-ewwel servizz fuq NET TV li fih deher il-Prim Ministru jżur Ħal-Safi u l-Mosta u jieħu b’idejn u jiltaqa’ ma’ kandidati li dakinhar kienu qed jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, kien ikkomunika mal-istazzjon, kif isir ma’ kull stazzjon ieħor meta tavverra ruħha l-ewwel irregolarità. Il-Kap Eżekuttiv tenna li huwa ġibed l-attenzjoni tal-istazzjon għal dan in-nuqqas u infurmah li għalkemm l-Awtorità kienet tħoss li rraportaġġ taż-żjarat mill-Prim Ministru bħala tali ma kienux jiksru d-Direttiva, il-mod kif is-servizzi kienu qed juru l-Prim Ministru jiltaqa’ ma’ wħud mill-kandidati jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva u għalhekk ix-xandir ta’ dawn is-servizzi kellu jieqaf.
Wara din il-komunikazzjoni, il-Partit Nazzjonalista kiteb permezz tad-Direttur għall-Informazzjoni tiegħu li ma kienx jaqbel ma’ din l-interpetazzjoni u talab li l-istruzzjoni mogħtija lill-istazzjon biex jitwaqqfu dawn is-servizzi tiġi riveduta. Il-Partit Nazzjonalista ġie nfurmat bil-miktub li d-deċizjoni kienet qed tiġi kkonfermata.
Meta s-servizzi mhux talli ma twaqqfux imma baqgħu jiġu aġġornati b’servizzi dwar żjarat oħra, li f’uħud minnhom mhux biss deher il-Kap tal-Partit Nazzjonalista iżur każini tal-istess partit u jiltaqa’ ma’ kandidati tal-elezzjoni għall-Kunsill tal-Lokali, iżda talli ssemma b’ismu wieħed mill-kandidati, il-Kap Eżekuttiv dehrlu li dan kien jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva u għalhekk ħareġ l-akkuża skont il-liġi.
Media.Link Communications Ltd. fis-sottomissjonijiet tagħha sostniet li fl-ebda stadju ma kienet ġiet mgħarrfa li l-allegat ksur kien qed jirriżulta mill-fatt li kienu qed jidhru l-kandidati, iżda hija kienet taħt l-impressjoni li l-allegat ksur kien qed jiġi bbażat fuq il-fatt li kienu qed jiġu rrapportati ż-żjarat tal-Prim Ministru. Hija sostniet li, sabiex jitħares il-bilanċ u l-imparzjalità dovuti, hekk kif espressi f’Artiklu 119 tal-Kostitiuzzjoni, minn jiem qabel, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ NET TV kienet talbet direzzjoni mill-Awtorità dwar jekk il-Prim Ministru setgħax jintwera iżur il-lokalitajiet fejn kienu ser isiru l-elezzjonijijet minħabba li l-Kap tal-Opposizzjoni f’din l-elezzjoni kien jirrisjedi f’lokalità fejn seta’ jivvota. Żiedet li kif kien ikkonferma l-Kap Eżekuttiv stess mal-Kap ta’ l-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications Ltd., il-fatt li jidher il-Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva u għalhekk ittieħdet id-deċizzjoni li tkompli bis-servizzi fl-updates li kienu qed jixxandru regolarment matul il-ġurnata fuq NET TV.
Ir-rappreżentanti ta’ NET TV qalu lill-Awtorità li fl-imghoddi, b’mod partikolari fl-elezzjoni tal-2009 li kienet tinkorpora fiha l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Lokali, NET TV kien xandar servizz li wera l-Prim Ministru fil-preżenza ta’ kandidati li dakinhar kienu qed jikkontestaw l-elezzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ippreċiża li fl-2009, NET TV kien xandar servizz tal-Prim Ministru sejjer jivvota flimkien mas-Sinjura tiegħu u kien propju quddiem il-bieb tal-votazzjoni li dehru xi kandidati miż-żewġ partiti li dakinhar kienu qed jikkontestaw l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u li nzertaw kienu preżenti quddiem dan il-post tal-votazzjoni.
L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet konċernati u rat it-traskrizzjonijiet tal-items tal-aħbarijiet relattivi, ikkonstatat u kkonkludiet kif jidher hawn taħt:
• li l-imsemmija direttiva tgħid b’mod ċar li għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet minn stazzjonijiet tax-xandir li matul il-perijodu ta’ żmien is-skiet ikunu trasmessi programmi li jistgħu raġonevolment jiġu interpretati li qed jixxandru bil-ħsieb li jinfluwenzaw il-votanti;
• li f’dan il-każ partikolari, fl-opinjoni tal-Awtorità, għalkemm taqbel li rapportaġġ tal-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista jżur diversi lokalitajiet fih nnifsu mhux neċessarjment jikser id-Direttiva marbuta mal-jumejn ta’ silenzju, il-prominenza li ngħatat lill-kandidati tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, speċjalment meta dawn kienu jidhru f’postijiet identifikati bħala sede ta’ partit politiku, kienet tikkostitwixxi ksur tad-Direttiva minħabba li kienet tista’ raġonevolment tiġi kkunsidrata li "tista b’xi mod tinfluwenza lill-votanti";
• li l-Awtorità ma setgħetx taċċetta t-teżi li l-istazzjon ma kienx jaf li l-ksur kien qed jirriżulta mill-fatt li l-kandidati kienu qed jingħataw prominenza;
• li minkejja li l-akkuża ġiet notifikata lis-soċjetà Media.Link Communications Ltd. kmieni wara nofs in-nhar tal-10 ta’ Marzu, flok rat li jitwaqqaf ix-xandir ta’ dawn is-servizzi, l-istazzjon baqa’ jxandar dawn is-servizzi u jaġġornahom b’filmati oħra li fihom jidhru l-kandidati ;
• li għalhekk l-Awtorità ikkonkludiet u ddeċidiet li l-akkuża tal-Kap Eżekuttiv kienet ġiet ampjament ippruvata u għalhekk kienet issib lis-soċjetà Media.Link Communications Ltd. ħatja ta’ ksur tad-Direttiva maħruġa ai termini tal-Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir;
• li l-Awtorità wkoll iddeċidiet li minħabba li l-ksur baqa’ jirrepeti ruħu matul il-ġurnata kollha, anke wara li l-istazzjon kien infurmat bil-miktub, hija ma kellha l-ebda alternattiva ħlief li timponi l-penali ta’ erbat elef, sitt mija u sittin Ewro (€4,660) stabbilit fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.
10, t'April 2012