Deċiżjoni dwar akkuża fil-konfront ta’ media.link rigward rappurtaġġ mill-Qorti fl-aħbarijiet ta’ NET NEWS tat-12 ta’ Awwissu 2022 dwar il-każ ta’ Fr Luke Seguna
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża maħruġa mill-Kap Eżekuttiv fir-rigward tal-aħbarijiet ta’ Net News li xxandru fit-12 ta’ Awwissu 2022. L-akkuża kienet tirrigwardja rapport mill-Qorti dwar il-każ ta’ Fr Luke Seguna li kien għadu kemm tressaq il-Qorti. Fl-akkuża ntqal li r-rappurtaġġ partikolarment il-filmat li ntuża fir-rapport tal-aħbarijiet mar kontra Artikli 8.2 u 8.3 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 minħabba li fil-filmat Fr Luke Seguna ntwera ħiereġ mill-bini tal-Qorti fuq stretcher u nħass li l-mod kif ġie mxandar dan il-filmat kien jinvadi l-privatezza tal-akkużat.
Fis-seduta tas-smigħ li nżammet fit-22 ta’ Settembru 2022, l-Awtorità semgħet is-sottomissjoni taċ-Chief Operations Manager tal-media.link, is-Sur Karl Gouder u l-Kap tal-Aħbarijiet is-Sur Robert Cremona. Huma qalu li l-filmat kien jirrelata ma’ dak li ntqal pubblikament fl-awla tal-Qorti rigward saħħet Fr Luke Seguna. Qalu li waqt is-smigħ tal-kawża fil-Qorti ntqal li kien qed jikkumbatti marda serja u għaldaqstant il-filmat tiegħu ħiereġ mill-Qorti kien jikkorrabora ma’ dan il-fatt u fil-fatt il-filmat kellu valur ta’ aħbar f’dan il-kuntest. Is-Sur Cremona qal li kienu kawti ħafna li ma jkunx hemm close ups imma ntuża filmat ġenerali ta’ Fr Luke Seguna ħiereġ mill-Qorti fuq stretcher. Għaldaqstant huma jsostnu li ma kienx hemm ksur ta’ privatezza jew xi nuqqas ta’ sensittività.
Wara li l-Awtorità rat il-filmat relattiv qablet li permezz ta’ dan il-filmat kien hemm ksur ta’ Artikli 8.2 u 8.3 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18 dwar Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar Wiri u Smigħ ta’ Programmi għall-Familja. Qalet li filwaqt li r-rappurtaġġ dwar il-kura tal-kanċer seta’ jiġi rrappurtat minħabba li dak kien ħareġ mill-awla tal-Qorti, iżda l-Awtorità ħasset li l-filmat ma kellux jintuża u nkisret id-dritt tal-privatezza tal-vittma. Għaldaqstant l-Awtorità qed issib lill-istazzjon ħati u qed timponi penali ta’ €1,160, liema penali trid titħallas fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.
18 ta’ Ottubru 2022