Net TV - Net News - 13 ta' Jannar 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV  dwar l-edizzjoni ta’ NET News tat-Tnejn 13 ta’ Jannar, 2014, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 8.11.1 u 8.11.3 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 li titratta l-jeddijiet u l-privatezza tal-individwi u l-iffilmjar u rekordjar f’istituzzjonijiet meta waqt rapport dwar il-kontroversja tat-tinda li kienet ser tiġi nstallata barra l-isptar Mater Dei ixxandar filmat qasir li kien juri pazjent waqt li kienet qed tittieħidlu l-pressjoni u pazjent qed jittella’ fuq sodda.  Fiż-żewġ każijiet il-pazjenti kienu jingħarfu sew.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring li kienet qed tressaq l-akkużi fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Karl Gouder Media Manager u lis-Sur Josef Fitzpatrick f’isem u in rappreżentanza ta’ media.Link Communications.

Minn naħa tiegħu s-Sur Gouder ikkontenda li dan kien filmat li ttieħed bil-permess tal-awtoritajiet tal-isptar u li sa dakinhar ma kienx hemm ilmenti dwar l-użu tiegħu kemm fl-okkażjoni indikata fl-akkuża u kif ukoll f’okkażjonijiet oħra.  Żied li in vista ta’ dan l-istazzjon fl-ebda mument ma kellu l-impressjoni li kien qed jikser xi provvediment tal-liġi, għalkemm ikkonferma li sa fejn jaf hu ma kienx intalab permess speċifiku mingħand il-pazjenti biex jidhru fil-filmat.

L-Awtorita` wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring u tal-istazzjon ikkonkludiet li l-akkuża ta’ ksur ta’ paragrafu 8.11.1 u 8.11.3 tal-Liġi Sussidjarja 350.14 li jittratta l-jeddijiet u l-privatezza tal-individwu u l-iffilmjar u rekordjar f’istituzzjonijiet  ġiet pruvata għaliex kien irriżulta li ż-żewġ pazjenti li dehru fil-filmat ma kienx intalab il-permess tagħhom minn qabel.

L-Awtorità fakkret li l-provvediment tal-Liġi speċifikament paragrafu 8.11.3 jistipula b’mod ċar li “Fejn id-dehra tagħhom ma tkunx inċidentali, meta ma jidhrux b’kumbinazzjoni avolja bla isem, jew ma jissemmewx, u jidhru f’xi qagħdiet partikolarment sensittivi irid l-ewwel jinkiseb il-permess ta’ kull wieħed u waħda minnhom biex il-materjal ikun jista’ jintwera”.  Anke meta jingħata permess, dan ikun biss għall-okkażjoni speċifika u ma jagħti l-ebda dritt lill-istazzjon li juża tali filmat jew partijiet minnu meta s-suġġett trattat ma jkollu x’jaqsam xejn mal-okkażjoni li għaliha jkun ingħata l-permess originali.

Għalkemm kif intqal aktar ‘l fuq li l-akkuza ġiet ippruvata, meta ġiet biex tikkonsidra l-penali, l-Awtorità ddeċidiet li peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ akkuża kontra NET News, kienet qed twissi lill-istazzjon sabiex jassigura li ma jkunx hemm ripetizzjoni ta’ ksur tal-liġi simili fil-futur u li l-użu ta' filmati mill-arkivji għandu jkun indikat kull darba li jsir tali użu.

Illum l-1 t’Awwissu, 2014