Net TV - Net News - 20-21 ta' Lulju 2022




Deċiżjoni dwar akkuża fil-konfront ta’ NET TV rigward l-aġġornamenti tal-aħbarijiet – Net News tal-20 u l-21 ta’ Lulju 2022

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV rigward l-aġġornamenti tal-aħbarijiet tal-20 u l-21 ta’ Lulju 2022 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafi 8.1 u 10.2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika li Japplikaw għall-Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Dr Joanna Spiteri, kif ukoll liċ-Chief Operations Officer tal-Medialink, is-Sur Karl Gouder f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Settembru 2022. Preżenti għas-seduta kien hemm ukoll il-Kap tal-Programmi ta’ Medialink, is-Sur Josef Fitzpatrick u l-Kap tal-Aħbarijiet tal-Medialink, is-Sur Robert Cremona.

Il-Kap Eżekuttiv ippreżentat l-akkuża u qalet li fl-aġġornament tal-aħbarijiet tal-20 ta’ Lulju li xxandar fil-22:45 u fl-aħbarijiet tal-għada, il-21 ta’ Lulju tas-06:50, ixxandar rapport dwar ġirja bil-karozza mill-Pulizija fuq raġel li kien imfittex minnhom. Qalet li fiż-żewġ servizzi tal-aħbarijiet dehru żewġ ritratti tal-allegat raġel b’wieħed jidher jitgħannaq ma’ raġel u f’ritratt ieħor deher flimkien ma’ minorenni. Dan wassal għal ksur ta’ Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14.

Għall-Medialink, is-Sur Karl Gouder ammetta li dan kien żball u li nġibdet l-attenzjoni ta’ min kien responsabbli mill-editjar tas-servizzi tal-aħbarijiet.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet u anke tal-ammissjoni tal-istazzjon u sabet lill-istazzjon ħati ta’ ksur tal-Paragrafi 8.1 u 10.2 tal-Leġiżlazzjoni li tirregola l-Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti. Għaldaqstant l-istazzjon ġie mmultat €2,320 minħabba ksur ta’ Paragrafi 8.1 u 10.2 tal-Leġiżlazzjoni dwar Ħtiġiet fil-Bulettini tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti.

           

20 ta’ Settembru 2022