L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar l-edizzjoni ta’ NET News tat-23 u d-29 ta’ Marzu 2013, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 11 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon xandar reklamar meta l-imsemmija bulettini kienu iqsar minn 30 minuta.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Ms Lousielle Vassallo, Media Manager u lill Antoine Borg, Kontrollur Finanzjarzju ta’ Media.Link Communications, f’laqgħa li nżammet fit-23 ta’ April, 2013.
Ms Vassallo ikkontendiet li normalment u kif jista’ jiġi verifikat bulettini tal-aħbarijiet fuq NET TV dejjem jeċċedu t-30 minuta. Żiedet li fil-każ tal-bulettin tad-29 ta’ Marzu, 2013 li inċidentalment kienet taħbat il-Ġimgħa l-Kbira, l-kamra tal-aħbarijiet kellha diffikulta biex twassal 30 minuta ta’ informazzjoni. Apparti dan ir-reklamar in kwistjoni kien jikkonċerna attività kummerċjali interna (Eurotours). Żiedet li dwar il-bulettin tat-23 ta’ Marzu ma setgħetx tifhem kif l-uffiċjali responsabbli ddeċidew li jeliminaw aħbarijiet biex b’hekk tnaqqas il-kontenut u konsegwenza ta’ dan il-ħin tal-bulettin.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni min naħa tal-istazzjon u iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum 3 ta’ Mejju, 2013