Net TV - Net News - 29 ta' Mejju 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Net TV dwar Net News li xxandar fid-29 ta’ Mejju 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet f’Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta kemm waqt il-bulettin ewlieni u kif ukoll fl-aġġornament ixxandar servizz dwar l-interess tal-Maltin fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tar-Reġina Eliżabetta. 

Dan is-servizz kien jinkludi intervista mas-Sur Noel Farrugia direttur tal-kumpanija Brittania Tours dwar tour speċifiku marbut ma dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u fejn is-Sur Farrugia ġie identifikat permezz tal-grafika bħala rappreżentant tal-imsemmija kumpanija. Kemm iċ-ċirkostanzi u l-kontenut ta’ din l-intervista kienu meqjusa reklamatorji.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjuri Nathaniel Attard, News Editor u Josef Fitzpatrick li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon f’seduta li nażammet fit-3 ta’ Lulju, 2012.

Minn naħa tiegħu is-Sur Attard ikkontenda li dan is-servizz kien meqjus ta’ valur peress li kien juri li fil-fatt il-Maltin kienu jikkonkorru għal tali avvenimenti.  Żied li inċidentalment il-kumpanija Brittania Tours li kienet kompetitriċi tal-Euro Tours kienet l-unika kumpanija li offriet l-imsemmi tour u kien għal din ir-raġuni li ġie intervistat is-Sur Farrugia.  Żied li dan is-servizz ixxandar erbat ijiem qabel iċ-ċelebrazzjoni meta t-tour kien mimli.

Is-Sur Attard qal ukoll li ċ-chest upper li kienet tidentifika r-rappreżentant tal-kumpanija fil-fatt setgħet ma xxandritx, madanakollu din kienet prassi aċċettata u applikata regolarment.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-rapporti relattivi, ddeċidiet li l-akkuża ma kienitx ġiet ippruvata, madanakollu ddiriġiet li kellha tinġibed l-attenzjoni tal-istazzjon sabiex ikun aktar attent meta jtella’ servizzi tal-aħbarijiet b’intervisti ma’ diriġenti jew rappreżentanti ta’ kumpaniji kummerċjali li potenzjalment setgħu jiġu trasformati f’reklamar b’ħabi.

11 ta' Lulju 2012