Net TV - Net News - 6 t'April 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV  dwar l-edizzjoni ta’ NET News tas-Sibt 6 t’April, 2013, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon xandar aħbar li kienet tinkludi intervista mas-Sur John Busuttil, Marketing Executive tal-aġenzija tal-ivjaġġar Eurotours dwar vjaġġi li kienet qed toffri l-istess kumpanija għax-xhur tas-Sajf, li skont l-akkuża kien jikkostitwixxi nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut informattiv u dak reklamatorju.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Ms Lousielle Vassallo, Media Manager u lill Antoine Borg, Kontrollur Finanzjarzju ta’ Media.Link Communications, f’laqgħa li nżammet fit-23 t’April, 2013, li min naħa tiegħu ikkontenda li wieħed irid jara din l-aħbar fil-kuntest ta’ aħbarijiet pjuttost negattivi dwar l-operat tal-kumpaija. Żied li għalhekk din l-aħbar kienet intiża li tibgħat messaġġ politiku u ċjoè li l-attività kummerċjali tal-kumpanija kienet għadha għaddejja.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni min naħa tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. 

Illum 3 ta’ Mejju, 2013