Net TV - News - 28 t'April 2020




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ Media.Link Communications rigward l-aħbarijiet ta’ Net TV
li xxandru fit-28 t’ April 2020


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Media.Link Communications rigward l-aħbarijiet ta’ Net TV li xxandru fit-28 t’ April 2020 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 4.1.10 (ii) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir li jispeċifika li:

“... Fil-każ li tfal ta’ taħt it-tliet snin jidhru fuq it-televiżjoni, wiċċ dawk it-tfal għandu jiġi kollu kemm hu mgħotti biex it-tfal ma jkunux jistgħu jiġu identifikati”.

F’dan il-bulettin ixxandar rappurtaġġ tal-aħbarijiet dwar il-minorenni Francesca Borg, tifla li ġiet addottata minn Johann u Nicolette Borg, u li kienet għadha kemm waslet Malta flimkien mal-famija tagħha mill-Indja fost diversi diffikultajiet kawża tal-pandemija COVID-19. Fis-servizz intqal li l-proċess ta’ addozzjoni ġab miegħu diversi diffikultajiet minħabba problemi loġistiċi kkawżati mill-miżuri impost f’diversi pajjiżi madwar id-dinja appuntu minħabba l-imxija tal-COVID-19.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Gouder f’isem Media.Link, f’seduta li nżammet fit-30 ta’ Lulju 2020.

Il-Kap Eżekuttiv qalet li f’dan is-servizz ixxandar filmat tal-minorenni Francesca Borg qed tiġi merfugħa minn ommha, Nicolette Borg, fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta hekk kif waslu lura mill-vjaġġ tagħhom mill-Indja. F’dawn il-filmati, il-minorenni Francesca Borg dehret b’mod ċar u identifikabbli u dan sar bi ksur ta’ Paragrfu 4.1.10 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir minħabba li l-minorenni kellha inqas minn tliet snin.

Is-Sur Gouder ppreżenta ittra lill-Bord tal-Awtorità tax-Xandir mingħand il-ġenituri Johann Borg u Nicolette Borg Vassallo li tagħti l-kunsens lil Net News biex isir dan il-feature fuq din il-familja.

L-Awtorità qalet li dan il-feature wera l-impatt li ħalliet il-Covid 19 fuq persuni li l-pubbliku ma jkunx jaf bihom u t-tbatijiet li jgħaddu minnhom. Madanakollu l-Awtorità qalet li kieku l-wiċċ tat-tifla ġie mgħotti ma kienx itellef mill-umanità tal-każ. L-Awtorità qablet li l-focus ta’ dan is-servizz ma kienx fuq il-minorenni u fehmet li kienu sitwazzjonijiet diffiċli u li l-istazzjon ma ppruvax juża jew jisfrutta l-vulnerabbilità tal-minorenni. Fiċ-ċirkustanzi l-Awtorità ma ssibhomx ħatja.


Illum is-7 ta’ Awwissu, 2020