L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Niltaqgħu fuq NET TV kien hemm ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir meta ma kienx hemm separazzoni adekwata rikjesta mill-liġi, hekk kif interpretata permezz ta’ ċirkolari 11/09 peress li ixxandru reklami.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon li kien rapprezentat mis-Sur Jeremy Dalli u s-Sur Josef Fitzpatrick u lill-produtturi is-Sur Godwin Friggieri u Ms Mary Tabone li kkontendew li l-programm kien ilu jixxandar fil-format preżenti sa minn Ottubru, 2009 u matul dan il-perjodu kienu żammew kuntatt kontinwu mal-Awtorita’ u dan sabiex jiżguraw aderenza mar-regoli eżistenti, partikolarment l-interpretazzjoni tal-provvedimenti dwar Reklamar.
Is-Sur Friġġieri tenna li fl-irkejjen informattivi ma kien hemm l-ebda element promozzjonali u kienu jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jikkonservaw is-separazzjoni bejn l-informazzjoni u r-reklamar.
L-Awtorità iddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkostatat illi l-fatt li l-preżentaturi u ċjoè Ms Mary Tabone u Sur Godwin Friggieri huma persuni sinonimi ma wħud mill-istabbilimenti kummerċjali li jirreklamaw fil-programm l-assoċjazzjoni bejn l-informazzjoni u l-elementi reklamatorji kienet evidenti u dan kien imur kontra l-imsemmijin provvedimenti, u għaldaqstant iddeċidiet illi l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twissi lill-istazzjon li minn naħa tiegħu kellu jara li tali nuqqas ma jirrepetix ruħu.