Net TV - Nisa ta Suċċess - 6 ta' Lulju 2022




Deċiżjoni dwar akkuża fil-konfront ta’ NET TV rigward il-programm Nisa ta’ Suċċess li xxandar fis-6 ta’ Lulju 2022

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV rigward il-programm Nisa ta’ Suċċess li xxandar fis-6 ta’ Lulju 2022 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 2.2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.23 Ħtiġiet dwar Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta’ Tattoos.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Dr Joanna Spiteri kif ukoll lill-Kap tal-Programmi ta’ Medialink, is-Sur Josef Fitzpatrick f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Settembru 2022. Fis-seduta dehru wkoll iċ-Chief Operations Officer tal-Medialink is-Sur Karl Gouder u l-Kap tal-Aħbarijiet tal-Medialink is-Sur Robert Cremona.

Il-Kap Eżekuttiv ippreżentat l-akkuża u qalet li l-ksur seħħ minħabba li fost sponsors oħra, il-programm Nisa ta’ Suċċess kien sponsorjat minn tattoo studio li kien l-istess li identifikat fil-caption tal-isponsors. Qalet li dan l-isponsor deher ukoll f’edizzjonijiet ripetuti tal-programm u minħabba li l-programm tas-6 ta’ Lulju 2022 u l-edizzjonijiet l-oħra xxandru qabel id-21:00, seħħ ksur ta’ Paragrafu 2.2. tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.23 minħabba li reklamar ta’ tattoos ma jistax jixxandar qabel id-21:00.

Min-naħa tiegħu s-Sur Josef Fitzpatrick qal li dan il-programm kellu jkun skedat li jixxandar fid-21:30 iżda minħabba tibdil fl-iskeda wara li ntemmet skeda ta’ programmar politiku, dan il-programm beda jixxandar fit-20:30 u bi żvista tħallew l-isponsors kollha inkluż l-isponsor tat-tattoo studio. Qal ukoll li bi żvista min-naħa tal-istazzjon, il-captions tal-isponsors ixxandru wkoll fl-edizzjonijiet l-oħra li xxandru matul il-ġurnata.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat ukoll id-dokumentazzjoni relatata mal-każ u anke l-ammissjoni tal-istazzjon, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ dan il-ksur u peress li rat li l-istazzjon irrimedja l-ksur immedjatament, l-Awtorità ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqas.

In oltre l-Awtorità saħqet li mhux se tkun qed tippermetti li tali regolamenti ma jiġux segwiti fil-futur u se tkun qed tesiġi li r-regolamenti jiġu segwiti b’mod rigoruż.

20 ta’ Settembru 2022