Net TV - Sorsi Infurmati - 28 ta' Novembru 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ NET TV rigward
il-progamm Sorsi Infurmati li xxandar fit-28 ta’ Novembru, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Medialink Communications Ltd. rigward il-programm ‘Sorsi Infurmati’ li xxandar fit-28 ta’ Novembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ 16L(4) tal-Att Dwar ix-Xandir meta wara li xxandret is-sigla tal-għeluq għall-ħabta tal-22:46, intqal “Sorsi Infurmati jixtieq jirringrazzja lil Nadine Fenech għal xagħar Stephanie, Vascas għall-ġojjellerija, Morgan għall-ħwejjeġ, Inecto għall-prodotti tas-sbuħija u Nails by Adriana”. Fil-frattemp dehru xi caption cards ta’ Vascas, Miss Selfridge u Inecto Naturals bħala sponsors.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Pierre Portelli f’isem l-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Frar, 2019, li minn naħa tiegħu qal li n-nuqqasijiet rilevati kienu komuni fuq stazzjonijiet oħra. Żied li l-istazzjon kien għadu kif ingaġġa preżentatur ġdid li qabel kien jagħmel programmi oħra iżda mhux Ġrajjiet Kurrenti allura ma kienx konxju biżżejjed mir-restrizzjonijiet f’dan il-ġeneru ta’ programmi. Is-Sur Portelli qal li n-nuqqasijiet kienu seħħew fil-bidu tal-iskeda.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata. L-Awtorità qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum il-25 ta’ Marzu, 2019