Net TV - The Client - 21 t'Ottubru 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm The Client  li xxandar fil-21 t’Ottubru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M(1), ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c), u ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, meta:

  1. Fil-bidu tal-programm kien hemm zoom out minn fuq il-preżentatriċi fejn warajha deher b’mod ċar basket ta’ The Make-up Factory;
  2. Għall-ħabta tal-10.00p.m. fi tmiem sensiela ta’ reklami, ixxandar reklam għall-kumpannija The Make-up Factory. Eżatt wara, b’separazzjoni biss ta’ jingle, ixxandret rokna informattiva minn Diane Nikoliċ dwar contact lenses. Diane Nikolic hija sinonima ma’ The Make-up Factory;
  3. Kien hemm ukoll reklam tal-LVL Eye Lashes eżatt wara r-rokna informattiva dwar l-eye lashes;
  4. Waqt ir-rokna informattiva kien hemm ukoll filmat qasir editjat fejn dehru diversi kaxxi tal-contact lenses tad-ditta Mesmer Eyez.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lil Ms Maroushka Pisani Bugeja f’isem l-istazzjon li kienet akkumpanjata minn Ms Claudia Calleja għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Diċembru, 2014.

Minn naħa tagħha, Ms Calleja filwaqt li ammettiet l-ewwel, it-tielet u r-raba’ parti tal-akkuża, saħqet li fil-fatt Diane Nikoliċ ma kienitx assoċjata ma' contact lenses u għalhekk ma kienx hemm lok għal assoċjazzjoni u nuqqas ta’ separazzjoni bejn l-informazzjoni u r-reklamar.  Żiedet li minn meta inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon il-produzzjoni ħadet il-miżuri neċessarji sabiex ikunu evitati każi u nuqqasijiet simili.

L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni in parti minn naħa tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’din is-sensiela ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. 

Illum 9 ta’ Diċembru, 2014