Net TV u Radio 101 - 22 t'April 2014




Ilment mill-Alternattiva Demokratika

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Alternattiva Demokratika kontra Net u Radio 101 fejn kien allegat ksur ta’ paragrafu 3(2) tad-Direttiva tal-Awtorità marbuta mal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta l-imsemmija stazzjonijiet naqsu milli jistiednu l-kandidat/rappreżentant tal-istess Alternattiva Demokratika fi programmi mtella’ u trażmessi fl-ewwel jiem tal-Kampanja Elettorali.

L-Awtorità semgħet lill-Perit Carmel Carcopardo, bħala kandidat u f’isem l-Alternattiva Demokratika u lis-Sur Nathaniel Attard, Head of News Services ta’ Net li kien akkumpanjat minn Dr Richard Sladden, f’seduta li nżammet fid-29 t’April, 2014.

Minn naħa tiegħu l-Perit Carmel Cacopardo qal li d-Direttiva tal-Awtorita li kienet tkopri l-perjodu bejn il-11 t’April u l-24 ta’ Mejju speċifikament il-paragrafu 3(2) kien ċar u kien iqiegħed obbligu fuq kull stazzjon li fil-każ ta’ programm li jkollu x’jaqsam ma xi materja ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li jirreferi għall-policy pubblika kurrenti u li jixxandar fl-imsemmi perjodu apparti li dan kellu jkun ibbilanċjat, kellhom jipparteċipaw fih rappreżentanti tal-Partit Laburista, Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demokratika.  Żied li f’dan il-każ l-istazzjon kien għamel stedina waħda u dan qabel ma nbidlet il-pożizzjoni tal-Awtorità permezz ta’ ċirkolari data 23 t’April, 2014 li permezz tagħha ingħatat interpretazzjoni usa tal-imsemmija Paragrafu.

Dr Richard Sladden ikkontenda li l-istazzjon kien wieġeb għall-ilment tal-Perit Cacopardo u fil-fatt kien ġie mistieden jieħu sehem fi programm. 

Is-Sur Nathaniel Attard qal li kienet il-policy tal-istazzjon li fl-aħbarijiet  jirrapporta kull Press Conference li torganizza l-Alternattiva Demokratika.  Żied li f’dan il-każ l-istazzjon ma kien għamel xejn differenti minn stazzjonijiet oħra.

Dr Richard Sladden qal li madanakollu fi żvilupp ġdid iċ-ċirkolari u l-kjarifika tal-Awtorità kienu ċari u ċioe li l-veduti differenti jistgħu jingħataw spazju fuq medda ta’ programmi.  Żied li l-istazzjon kien kommess li jaderixxi ma dan.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet b’mod partikolari tal-impenn tal-istazzjon li jirrispetta b’mod sħiħ il-provvedimenti tad-Direttiva hekk kif sussegwentement interpretati u li fil-fatt kienu diġà qed jiġu attwati mill-istazzjon u ddeċidiet li ma tipproċedix ulterjoralment dwar dan il-każ.  

Illum 2 ta’ Mejju, 2014