NET TV - Vittmi - 6 ta’ Ġunju, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjoni tal-programm Vittmi xxandar fis-6 ta’ Ġunju, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16(M)(4)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt din l-edizzjoni, waqt waħda mix-xeni, l-atturi dehru ġo bar jitkellmu u jieħdu drink. Fuq il-ħajt tal-bar kien hemm bosta tabelli bi promozzjoni għall-prodotti alkoħoliċi b’mod partikolari Budweiser u Southern Comfort.

L-Awtorità semgħet lil Dr Joanna Spiteri (li kienet qed tidher fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv) u lil Ms Marouska Pisani Bugeja f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-14 ta’ Lulju, 2015, li minn naħa tagħha kkontendiet li din is-serje li kienet imsawra fl-ambitu tal-fostering, kienet saħansitra endorsed mill-Aġenzija Appoġġ u żgur li ma kien hemm l-ebda intenzjoni minn naħa tal-produzzjoni li jsir xi reklamar jew promozzjoni għal xorb alkoħoliku.  Żiedet li x-xena in kwistjoni kienet tirrekjedi li tinġibed ġewwa bar u l-istazzjoni ma kellu l-ebda konnessjoni mal-importaturi tal-imsemmija prodotti.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-akkuża tal-Kap Eżekuttiv ma kienitx tissussisti u in vista ta’ dan iddeċidiet li ma tipproċedix ulterjoralment kontra l-istazzjon.

Ilum 23 ta’ Lulju, 2015