L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm Xift li xxandar fl-20 t’Ottubru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c) u paragrafi 20 u 33 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir fejn waqt ir-rokna informattiva dwar il-kura tax-xagħar flimkien ma’ Christina Miceli, kien hemm iffukar fuq il-prodotti tax-xagħar tad-ditta Zero 35. Intant, waqt l-istess programm kien hemm rokna ta’ telebejgħ ta’ Neriku Catering li waqtu kien hemm reklamar ta’ Neriku Catering b’forma ta’ servizz relatat ma’ avveniment ġewwa r-Razzett l-Abjad. Waqt din l-istess rokna ta’ telebejgħ ma xxandrux il-prezzijiet tal-offerti kollha li ssemmew.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lil Ms Maroushka Pisani Bugeja f’isem l-istazzjon, li aktar tard ingħaqad magħha is-Sur Jean Claude Micallef, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Diċembru, 2014.
Minn naħa tagħha Ms Maroushka Pisani Bugeja filwaqt li ammettiet l-ewwel parti tal-akkuża qalet li l-attivita’ promossa waqt ir-rokna ta’ Neriku Caterers kienet mingħajr ħlas u għaldaqstant l-istazzjon ma ħassx li din kienet tmur kontra l-provvedimenti tal-liġi. Żiedet li waqt din ir-rokna l-prezzijiet kienu jixxandru permezz ta’ crawls. Ms Pisani Bugeja spjegat il-passi li l-istazzjon kien qed jieħu sabiex problemi ta’ dan it-tip ma jirrepetux ruħhom. Dawn kienu jinkludi l-ingaġġ ta’ quality control officer li jissorvelja t-trażmissjoni.
L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni in parti minn naħa tal-istazzjon u l-miżuri li qed jieħu l-istazzjon fir r-igward u ddeċidiet li l-akkuża kienet in parti ġiet ippruvata u stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’din is-sensiela ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum 9 ta’ Diċembru, 2014