L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar żewġ edizzjonijiet tal-programm Malta Lejla li xxandru fis-7 ta’ Novembru u l-5 ta’ Diċembru, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir kif ukoll paragrafi 13.1, 14.1(a) u 14.1(ċ) tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika fuq Programmi li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali, meta waqt l-edizzjoni tal-programm tas-7 ta’ Novembru sar trattament tal-botox minn Dr Joanna Delia mistiedna regolari fil-programm u filwaqt li kien spjegat f’hiex kien jikkonsisti t-trattament fl-ebda mument ma ġew inklużi possibiltajiet ta’ konsegwenzi negattivi. In oltre, kien allegat li fl-istess rokna kien hemm element qawwi ta’ promozzjoni kummerċjali. Minn naħa l-oħra fil-programm tal-5 ta’ Diċembru 2011, Dr Joanna Delia għamlet trattament kontra t-tikmix mingħajr ma semmiet xi aspetti negattivi li setgħu jirriżultaw wara t-trattament.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, kif wkoll lil Ms Louiselle Vassallo, Media Manager li dehret f’isem l-istazzjon.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-akkuża ta’ reklamar b’ħabi ma kienitx tirriżulta u ma ġietx ippruvata. Madanakollu, fir-rigward tal-parti tal-akkuża li kienet tirreferi għar-regolamenti f’paragrafi 14.1 tal-imsemmija Ħtiġijiet, l-akkuża kienet ġiet ippruvata u għalhekk peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati kellha timponi l-penali relattiva għal dan in-nuqqas li kienet tammonta għal elf mija u sittin Ewro (€1,160) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.
7 ta' Marzu 2012