Lment tas-Sur Godfrey Grima
L-Awtorità tax-Xandir semgħet l-ilment mis-Sur Godfrey Grima kontra NET TV dwar dritt ta’ risposta li kien ixxandar f’Net News tat-19 ta’ Novembru, 2010, liema dritt ta’ risposta kien segwit b’servizz u b’kummenti tal-istazzjon li skont is-Sur Grima kienu intenzjonati sabiex jimmitigaw l-effett u r-rimedju tal-istess dritt għar-risposta, u għaldaqstant intalab l-intervent tal-Awtorità sabiex id-dritt ta’ risposta jinqara mill-ġdid fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun segwit minn kummenti u l’hekk imsejħin insinwazzjonijiet infondati tal-istazzjon.
L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment taħt Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni, f’seduta li nżammet fl-19 t’April, 2011. Preżenti għal dan is-smigħ kien hemm is-Sur Godfrey Grima assistit minn Dr Kris Borg, s-Sur Nathaniel Attard u Dr Frank Psaila li dehru għall-istazzjon.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, Dr Borg għan-nom tal-klijent tiegħu ta dettalji u elenka l-ġrajjiet li wasslu għall-ilment u filwaqt li rrefera għad-dispożizzjonijiet tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li kienu jirregolaw il-Bulettini tal-Aħbarijiet u programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, speċifikament għal paragrafu 4.1, 4.6, 4.7 u 4.8 talab l-intervent tal-Awtorità u li d-dritt ta’ risposta jinqara mill-ġdid fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun segwit minn kummenti jew features.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, is-Sur Nathaniel Attard, għall-istazzjon filwaqt li ammetta li inizjalment id-dritt ta’ risposta kien ixxandar imħallat ma’ kummenti editorjali tal-istazzjon, wara li kienet inġibdet l-attenzjoni tiegħu għal fatt li t-talba għal dritt ta’ risposta oriġinali ma kienitx fil-fatt ġiet eżawrita ai termini tal-liġi, l-istazzjon kien xandar verżjoni inedita u fl-intier tagħha tad-dritt ta’ risposta hekk kif sottomessa mis-Sur Grima. Is-Servizz li kien jirispekkja l-verżjoni tal-istazzjon kien imxandar b’mod distint mid-dritt ta’ risposta u dan, skont l-istazzjon kien jikkonforma pjenament mal-provvedimenti tal-liġi.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet imma illimitat ruħha biss biex tistabbilixxi jekk il-mod ta’ kif ixxandar id-dritt ta’ risposta kienx jikkonforma mal-provvedimenti fil-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li kienu jirregolaw il-Bulettini tal-Aħbarijiet u programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti jew le. Meta kkunsidrat dan kollu, iddeċidiet li l-ilment ma kienx ġustifikat, madanakollu l-Awtorità qablet li kellha tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon għall-fatt li s-servizz li xxandar, anke jekk b’mod distint, eżattament wara d-dritt ta’ risposta seta’ kien aktar konċiż.