Deċiżjoni mill-Awtorità tax-Xandir dwar Ilment mill-Partit Laburista rigward il-Bulettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM Imxandar fil-15 ta’ Lulju, 2015
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista datat 23 ta’ Lulju, 2015 rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tal-15 ta’ Lulju, 2015 fejn il-Partit ikkontenda li waqt rappurtaġġ dwar il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti l-istazzjon filwaqt li rrapporta il-Konferenza tal-Aħbarijiet tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni dwar is-suġġett, kien naqas milli jippreżenta ir-rejazzjoni tal-Partit Laburista, liema nuqqas skont l-istess Partit kien irriżulta fi żbilanċ fil-konfront tiegħu u għaldaqstant kien qed jitlob rimedju.
L-Awtorità semgħet lis-Sinjuri Gino Cauchi Kap Eżekuttiv u Nigel Vella Koordinatur tal-Komunikazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Laburista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd li kien assistit minn Dr Yanica Caruana f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd, f’seduta li nżammet fit-28 ta’ Lulju, 2015.
Iċ-Chairman introduċa dan l-ilment billi rrefera għall-korrispondenza bejn iż-żewġ partijiet u t-talba tal-Partit Laburista.
Minn naħa tiegħu s-Sur Gino Cauchi qal li s-suġġett tar-rapporti ta’ PBS Ltd kien il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti liema liġi kienet ta’ importanza kbira u ta’ interess partikolari għall-Partit Laburista bħala wieħed mill-protagonisti. Żied li filwaqt li l-istazzjon għażel li jirrapporta Konferenza tal-Aħbarijiet tal-Oppożizzjoni inkluż bl-użu ta’ sound bites ta’ Dr Chris Said, ir-rejazzjoni u l-pożizzjoni tal-Partit Laburista li huwa direttament konċernat fl-imsemmija Liġi u li kienet riflessa fi stqarrija ma xxandritx.
Is-Sur Cauchi qal li minkejja li kien hemm kważi qbil unanimu bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-istess Liġi, il-fatt li kien hemm xi diverġenzi dwar partijiet minnha kien isaħħaħ l-argument li l-pożizzjoni tal-Partit Laburista kellha tkun irrappurtata.
Minn naħa tiegħu s-Sur Reno Bugeja qal li l-istazzjon kien iddedika madwar ħames minuti għal dan ir-rapport dwar liġi li kien hemm kunsens dwarha miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati. Żied li l-istazzjon kien irrapporta b’mod ampju kemm il-Konferenza tal-Aħbarijiet tal-Gvern u anke dik tal-Oppożizzjoni li kienet saret fil-bini tal-Parlament. Is-Sur Bugeja qal li editorjalment l-istqarrija tal-Partit Laburista ma kienet tbiddel xejn mis-sustanza u ma kienitx tinkludi elementi ġodda u essenzjali b’valur t’aħbar.
L-Awtorita` wara li rat id-dokumentazzjoni ċirkolata u semgħet u kkunsidrat fid-dettal is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet iddeċidiet kif ġej:
- L-editur tal-istazzjon għandu dritt isegwi l-Editorial Policy tal-istazzjon, liema policy s’issa rari tat lok għal ilmenti, u l-Awtorita` bl-ebda mod ma trid li dan id-dritt li għandu l-Editur jiġi mittiefes ħlief f’dawk iċ-ċirkostanzi li huma indikati fil-Liġi Dwar ix-Xandir. Madanakollu, fil-każ in kwistjoni, l-aħbar kienet intimament konnessa mal-operat tal-partiti u għalhekk, f’dan il-każ partikulari kien ikun għaqli li l-veduti tal-partiti politiċi stabbiliti, jitwasslu wkoll. Kien għalhekk raġonevoli li l-Partit Laburista jistenna li l-veduti tiegħu fuq il-Liġi Dwar il-Finanzjament tal-Partiti jiġu mwassla lit-telespettatur. Minkejja li, kif argumenta l-istazzjon waqt it-trattazzjoni tal-ilment, il-veduti tal-Gvern u l-Oppożizzjoni twasslu adempjatament, fil-Bulletin ta’ l-Aħbarijiet li dwaru sar l-ilment, fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Oppożizzjoni parti mill-kontenut kienet tirreferi għal aspetti politiċi tal-partiti u allura bl-istess kejl, l-istazzjon seta’ faċilment inkluda sintezi tal-istqarrija maħruġa mill-Partit Laburista dwar is-suġġett.
- Meta ħadet in konsiderazzjoni l-materja trattata fil-Liġi in kwistjoni u ċirkostanzi kollha tal-każ, l-Awtorita` qablet li l-ilment tal-Partit Laburista kien jissussisti u għalhekk kien qed jiġi milqugħ.
- Minħabba li l-argumentazzjoni dwar l-imsemmija liġi issa ġiet eżawrita u minħabba li fid-19 ta’ Lulju, fil-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM kien rappurtat diskors tal-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat, li l-kontenut tiegħu kien jirrifletti l-veduti espressi fl-istqarrija tal-Partit Laburista li dwarha sar l-ilment ma tinħassx il-ħtieġa ta’ rimedju fuq dan l-ilment.
Illum 30 ta’ Lulju, 2015