ONE - Aħbarijiet - 19 ta' Diċembru 2023




Deċiżjoni dwar ilment imressaq mill-Prof. Kevin Cassar kontra ONE rigward talba ta’ dritt ta’ risposta li talab lill-istazzjon dwar l-aħbarijiet tat-19 ta’ Diċembru 2023

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Prof. Kevin Cassar nhar id-29 ta’ Diċembru 2023. Dan isegwi żewġ emails li hu bagħat lill-istazzjon fid-19 u l-20 ta’ Diċembru 2023 li permezz tagħhom hu lmenta dwar il-bulettin ta’ ONE News tad-19 ta’ Diċembru kif ukoll talab dritt ta’ risposta għal artiklu ‘Ħaten BFA jgħid li l-Laburisti huma l-inqas edukati fil-pajjiż’, ippubblikat fuq is-sit elettroniku tal-istazzjon. Prof. Kevin Cassar ċaħad li hu kiteb li l-Laburisti huma l-inqas edukati fil-pajjiz kif kienu qed jgħidu ONE u qal ukoll li ma kienx irċieva tweġiba mill-istazzjon.

Fit-talba għas-smigħ indirizzata lill-Awtorità tax-Xandir, Prof. Kevin Cassar ilmenta li fil-bulettin tal-aħbarijiet tad-19 ta’ Diċembru 2023 intwerew ukoll it-tfal tiegħu.

Għall-ilment li nstema’ fil-11 ta’ Jannar 2024, Prof. Kevin Cassar ingħaqad b’mod virtwali filwaqt li għal ONE dehru s-Sinjura Ruth Vella, Chairperson tal-ONE, kif ukoll Dr Ramona Attard bħala konsulent legali.

Prof. Kevin Cassar qal li l-ilment jirrigwarda item fuq l-aħbarijiet dwaru minn ONE. Qal li ONE News semmew li ‘Kevin Cassar infexx f’tgħajjir ‘ġdid’ fil-konfront tal-Laburisti’. Kompla li dan ma kien minnu xejn u li hu talab għal dritt ta’ risposta u mhux talli ma ngħatax dan, talli anqas biss irċieva risposta għall-kommunikazzjoni tiegħu.  Semma wkoll li r-rapport ta’ ONE News irrapporta dak li hu allegatament qal, cioè li l-Laburisti iżjed injoranti, u saħaq li dan qatt ma qalu.

Dr Ramona Attard staqsiet għat-transcript u nnutat li l-kelma “ġdid” kienet mankanti. Il-Bord minnufih irrimarka li din il-kelma kienet madankollu nkluża f’sezzjoni oħra tar-rapport

Dr Ramona Attard saħqet li  l-artiklu nibet minn artiklu miktub mill-Prof. Kevin Cassar innifsu u li kien intitolat triple whammy, ppubblikat minn The Shift News. Hi qrat siltiet minn dan l-artiklu u esebiet diversi artikli fejn il-Prof. Kevin Cassar għamel rimarki simili. Minn dawn ir-rapporti hi kkonkludiet li Prof. Kevin Cassar kjarament kien qed iressaq ilment kontra kliem li hu stess kien kiteb f’diversi drabi u okkażjonijiet. Għalhekk ma setgħetx tifhem għaliex ried dritt ta’ risposta.

Fir-risposta tiegħu Prof. Kevin Cassar tenna li hu kkwota l-istħarriġ tal-MaltaToday li jindika li s-sapport għall-Partit Laburista huwa iżjed b’saħħtu fis-settur ta’ nies b’edukazzjoni iżjed bażika. Qal li tkun injorant u mhux edukat m’humiex l-istess u dawn il-kliem ma użahomx. Spjega li dak li kien qed jingħad, cioè li l-Partit Laburista huwa appoġġjat minn nies inqas edukati, mhux veru. Anzi, qal li hemm nies edukati ħafna li jappoġjaw il-Partit Laburista u li hemm nies mhux edukati li jappoġjaw lill-Partit Nazzjonalista. Qal li fir-rapport tal-aħbarijiet  ma hemmx lok għall-opinjoni u li jeżisti l-obbligu li wieħed ikun bilanċjat. Semma wkoll li qabel ma kamra tal-aħbarijiet tagħmel rapport fuq individwu, il-prassi jitolbu li xandar jikkuntattja l-persuna; iżda dan ma sarx. Ikkonkluda billi semma li hu qatt ma “nfexx f’tgħajjir” sempliċiment għax kwota stħarriġ.  Waqt is-smigħ, Prof. Kevin Cassar qal li fir-rapport tal-aħbarijiet saħansitra nġiebu wkoll it-tfal tiegħu waqt li kienet qed issir referenza għall-istħarriġ politiku. Semma wkoll serje ta’ kummenti li dan ir-rapport tal-aħbarijiet attira fuq il-pjattaforma Facebook, tali kummenti huma altament dispreġjattivi u abbużivi.

Fir-replika tagħha Dr Ramona Attard qalet li kwalunkwe theddid kontra kwalunkwe persuna mhux ġustifikat u huwa kundannabbli. Rigward il-kwistjoni tat-tfal, Dr Ramona Attard qalet li mhix konoxxenti ta’ dan. Qalet li l-istħarriġ tal-Malta Today, li kien qed isemmi u li esebiet, inħareġ wara ċerti artikli li kiteb hu stess. Dr Ramona Attard qablet li meta tagħmel storja fuq xi ħadd idealment tieħu l-verżjoni tiegħu iżda din kienet kwistjoni li dak li kiteb Prof. Kevin Cassar ġie riprodott f’dan il-feature. Dr Ramona Attard qalet li Prof Kevin Cassar kien qed jistenna prattika li lanqas hu ma jħaddan għaliex fil-kitba tiegħu jirreferi għall-persuni, f’dan il-każ anke ġurnalisti u ma talabx l-opinjoni tagħhom.

Il-Bord għadda sabiex jikkunsidra dan l-ilment skont il-fatti mressqa u cioè biex jgħarbel jekk il-feature imxandar u li wassal għall-ilment kienx qed jikser xi proviżjonijiet tax-Xandir. Il-Bord jidhirlu li l-feature li xxandar fil-bulettin tal-aħbarijiet kien ibbażat fuq artiklu miktub mill-istess Professur Cassar sorrett minn artikli preċedenti li ttrattaw l-istess suġġett. Filwaqt li l-Bord jinnota li s-sens ta’ dak irrapportat kien jirrifletti dak li fuqu kiteb l-istess awtur, il-Bord jidhirlu li l-kwotazzjonijiet attribwiti lill-Professur Cassar fil-bulettin ma kinux kollha jirriżultaw fil-kitba tal-istess Professur. Dan il-fatt waħdu xorta waħda ma jimmeritax li jintlaqa’ l-ilment peress li ħolistikament ir-rappurtaġġ kien jirrifletti dak li fuqu kien kiteb l-istess Professur Cassar. Għal din ir-raġuni l-ilment mhux qed jintlaqa’. 

 

 

22 ta’ Jannar 2024

Smigħ 01/2024 Numru 9

                                                                                                                        Ref: 100/23