ONE - Affari Tagħna -20 ta’ Mejju, 2011




L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Moviment Żwieġ Bla Divorzju kontra ONE dwar il-programm Affari Tagħna mxandar fl-20 ta’ Mejju, 2011, fejn ġie allegat li dan il-programm kien wieħed “kompletament żbilanċjat favur l-argument imressaq mill-Moviment favur id-divorzju”.

L-Awtorità semgħet is-sottomissjoniet tal-partijiet f’seduta li nżammet illum u ddeċidiet li fl-edizzjoni tal-programm in eżami kien hemm element ta’ żbilanċ li kien imur kontra d-direttiva tagħha stess.  L-Awtorità innutat ukoll li waqt il-programm issemmew persuni mill-Moviment Żwieġ bla Divorzju li ma kienux preżenti u li għalhekk ma setgħux jagħtu l-veduti tagħhom.

In vista ta’ dan l-Awtorità iddeċidiet li l-Moviment Żwieġ bla Divorzju jingħata rimedju għal dan l-iżbilanċ billi tinqara stqarrija tal-istess Moviment, li m’għandhiex teċċedi 180 sekonda, u li permezz tagħha dan jagħti l-veduti tiegħu fuq xi punti rilevati waqt l-imsemmi programm.  Abbozz ta’ din l-istqarrija għandu jkun ikkonsenjat għand l-Awtorità għall-approvazzjoni tagħha sa mhux aktar tard minn għada f’nofsinhar. 

Ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità qed tordna li din l-istqarrija hekk kif approvata minnha, għandha tinqara qabel ma’ jibda l-programm skedat fit-8:35p.m. li skont l-iskeda ta’ ONE, sottomessa lill-istess Awtorità, huwa l-programm TX.  Din l-istqarrija għandha tinqara mingħajr ma tkun akkumpanjata mill-ebda viżwali għajr għat-test tal-istess stqarrija.

L-Awtorità żammet id-dritt li tieħu miżuri ulterjuri f’każ li din id-direttiva ma tiġix osservata b’mod sħiħ kif indikat.