One - Ahbarijiet - 1 ta' Marzu 2021




Deċiżjoni dwar ilment imressaq minn Prof Kevin Cassar rigward item li xxandret fuq l-aħbarijiet tal-ONE fl-1 ta’ Marzu 2021

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment li tressaq minn Prof Kevin Cassar fir-rigward ta’ aħbar li xxandret fuq ONE fl-1 ta’ Marzu u li rrapurtat li ħaten Fenech Adami jżid l-attakk fuq Delia.  Fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2021, wara indikazzjonijiet mogħtija mill-partijiet li l-kwistjoni setgħet tiġi risolta b’mod amikevoli permess ta’ dritt ta’ risposta, l-Awtorità temmet is-smigħ u stenniet lill-partijiet isibu l-kompromess bejniethom permezz tal-medjazzjoni offruta u aċċettata miż-żewġ partijiet.

 

Minħabba li l-partijiet ma rrisolvewx bejniethom l-ilment,  l-Awtorità reġgħet sejħet mill-ġdid għas-smigħ ta’ dan l-ilment u li ġie trattat fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2021.

 

Għas-seduta dehru virtwalment Prof Kevin Cassar u għall-istazzjon dehru ċ-Chairman ta’ ONE, is-Sur Jason Micallef, l-Kap tal-Aħbarijiet is-Sur Edward Montebello u l-konsulent legali Dr Jonathan Attard għan-nom tal-istazzjon ONE.

 

Prof Kevin Cassar spjega li fl-aħbar li xxandret fl-1 ta’ Marzu fuq ONE dwaru kienet tikkonsisti f’informazzjoni skorretta għaliex mhux minnu li hu kien fost dawk li ħadmu biex ipoġġu lil Dr Bernard Grech u li kien l-aktar voċiferu kontra Dr Adrian Delia.  Prof Cassar qal li hu kien ta r-riżenja tiegħu mill-Partit Nazzjonalista u qal li hu ma jħaddan l-ebda kariga fil-partit.  Prof Cassar kompla jgħid li għaldaqstant anke fid-dritt ta’ risposta li talab, kien xtaq li l-istazzjon jikkoreġi dawk il-kummenti li kienu saru.  Qal li għaldaqstant it-text tad-dritt ta’ risposta ma setax jiġi mibdul għaliex ma hemmx verżjonijiet differenti tal-verità.

 

Għan-nom tal-ONE, Dr Jonathan Attard qal li Prof Cassar ma eżerċitax id-dritt ta’ risposta ai termini tal-liġi.  Qal li wara l-medjazzjoni ġew rinfaċċati bi dritt ta’ risposta li għamlet dikjarazzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu xejn ma’ dak li kien qed jilmenta dwaru.  Dr Attard kompla jgħid li l-lanjant għamel dikjarazzjonijiet politiċi fuq il-mezzi tax-xandir u wieħed ma setax jistenna li jiġi trattat bħala ċittadin privat.  Iċ-Chairman tal-ONE, is-Sur Jason Micallef qal li d-dritt ta’ risposta minn Prof Cassar kienet inaċċettabli li tixxandar u għalhekk ma setgħux jaslu biex dak li ntalab fil-medjazzjoni jingħata.

 

Wara li l-partijiet irtiraw mis-seduta, l-Awtorità rat is-sottomissjonijiet u d-dokumenti relatati mal-każ.  Minħabba li t-tentattiv ta’ medjazzjoni li ġie offrut fis-seduta tat-30 ta’ Marzu, falla, l-Awtorità kellha tisma’ mill-ġdid dan il-każ.  L-Awtorità kkonsidrat l-ilment bl-ispjegazzjoni mill-Prof Kevin Cassar u kkonsidrat ukoll l-ispjegazzjoni li ta l-istazzjon.  Wara li studjat dak li kellhom xi jgħidu l-partijiet iddeċidiet li r-rapurtaġġ li xxandar fl-aħbarijiet tal-ONE tal-1 ta’ Marzu bl-ebda mod ma ġie ssustanzjat mill-istazzjon u għalhekk l-ilment tal-Prof Kevin Cassar ġie milqugħ.

 

Il-Board tal-Awtorità ddeċieda li bħala rimedju l-istazzjon tiddereġieh li jxandar is-segwenti dikjarazzjoni hekk kif ġej:-

 

B’referenza għall-aħbar li xxandret fuq ONE fl-1 ta’ Marzu li dwarha tressaq ilment minn Prof Kevin Cassar fuq rapportaġġ mhux korrett, meta l-istazzjon rraporta fl-aħbarijiet, aħbar intitolata Ħaten Dr Fenech Adami jżid l-attakki fuq Adrian Delia, l-Awtorità laqgħet l-ilment li sar minn Prof Cassar f’seduta tas-6 ta’ Mejju 2021 u ddikjarat li r-rapport li xxandar ma kienx jikkonsisti f’rapport korrett ta’ dak li qal il-Profs Cassar.  L-Awtorità tiddikjara li r-rapport imxandar mill-istazzjon, li Prof Cassar kien fost dawk li ħadmu biex Dr Bernard Grech isir Kap ma ġiex sostanzjat kif ma ġiex sostanzjat  lanqas li hu kien fost dawk l-iktar voċiferi meta internament ikun jidher li l-Kap jista’ jiċċaqlaq minn xi pożizzjonijiet. Jirriżulta wkoll li Prof Kevin Cassar m’għandu l-ebda rwol fil-Partit Nazzjonalista.

 

14 ta’ Mejju 2021