ONE - Arani Issa - 2 u 9 ta' Diċembru 2013, u 6 ta' Jannar 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjonijiet tal-programm Arani Issa li xxandru fit-2 u d-9 ta’ Diċembru, 2013 u s-6 ta’ Jannar, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’:

i) Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir
ii) Artiklu 16M (3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir
iii) Artiklu 16K (a) tal-Att Dwar ix-Xandir
iv) Paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar reklamar ta’ xorb alkoħoliku (350.24)

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li deheret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lill-Avukat Joseph Chetcuti għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fil-15 t’April, 2014.

Minn naħa tagħha s-Sinjura Vella Micallef filwaqt li ammettiet il-parti tal-akkuża li kienet tirrigwarda l-ksur ta’ Paragrafu 15 qalet li bħal ma ġara drabi oħra ċ-ċaqlieq fil-ħinijiet tal-Aħbarijiet kien jaffettwa negattivament l-iskedar tar-reklamar li sussegwentement kien jirriżulta f’eċċess ta’ reklami f’siegħa orarja.

Dr Chetcuti qal li kemm l-istazzjon u kif ukoll il-produzzjoni jagħmlu ħilithom kollha sabiex jaderixxu mal-liġi.  Żied li minn naħa tal-produzzjoni hekk kif kienu infurmati bl-akkuża ttieħdu l-miżuri neċessarji sabiex in-nuqqasijiet abbinati mal-irkejjen ta’ G-Class u Victor Azzopardi Jewellers jiġu rettifikati.

Dr Chetcuti qal li dan kien seħħ ukoll fil-konfront tan-nuqqasijiet rigwardanti l-feature abbinat mal-prodotti Scala.  Żied li bħal fil-każi l-oħra fil-każi ġia reġistrati dan il-feature ġie emendat u ser tingħata aktar attenzjoni fil-każ ta’ features oħra futuri. 

Dr Chetcuti filwaqt li ammetta li setgħa kien hemm eċċess ta’ dettalji fl-irkejjen abbinati ma’ A to Z u Gymnasia qal li fil-futur kien qed jippjana li jkun involut inqas fil-preżentazzjoni u dan biex iżomm aktar kontroll fuq dak li jseħħ fil-programm.  Dwar ir-reklam għall-inbid La Vallette li xxandar fit-14:58 waqt ir-ripetizzjoni u għaldaqstant f’ħin ipprojbit, qal li dan kien sar bi żvista. 

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż li n-nuqqasijiet avveraw ruħhom fuq tlett programmi u li kienu jorbtu ma’ diversi klawsoli tal-liġi, qablet unanimament li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ €2,330 li għandha titħallas fi żmien xhar mid-data tan-notifika.

Illum 22 t’April, 2014