ONE - Arani Issa - 7 t'Ottubru 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Arani Issa li xxandar fis-7 t’Ottubru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Leġislazzjoni Sussidjarja Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir, fosthom paragrafi 4.1.2, 4.1.5, 4.1.7 u 4.1.10 (i), (iv), (v), (vi) u (vii) meta f’din l-istorja ġew svelati bosta dettalji dwar il-kundizzjoni tas-saħħa ta’ tifla minorreni bl-isem ta’ Ruslana u kif ukoll ta’ missierha.  Il-mod kif il-preżentatur għażel li jagħti sorpriża lill-imsemmija tifla wassal biex din titwerwer u tinfaqa’ tibki u dawn ix-xeni twasslu lit-telespettaturi.  In oltre l-Awtorità ma rċeviet l-ebda dokumentazzjoni mill-Aġenzija Appoġġ dwar l-iscreening ta’ din it-tifla minorenni, liema eżerċizzju huwa wieħed obbligatorju u joħroġ mil-Liġi.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lil Ms Ruth Vella Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Dr Joseph Chetcuti  għall-produzzjoni li minn naħa tiegħu ikkontenda li kienet il-policy tal-produzzjoni illi jekk storja ma tkunx ser tittratta minorenni ma jsirx screening għand l-Appoġġ.  Żied li f’dan il-każ it-tifla ma kienitx is-suġġett tal-istorja u li din kienet tittratta lill-missier.  Żied li t-tifla kienet ħadet sehem fil-programm peress li kienet hi li nnominat u talbet li ssir storja dwar missierha. 

Dr Chetcuti qal li f’dan il-każ it-tifla ma sofriet l-ebda konsegwenzi jew riperkussjonijiet u li bħal f’kull programm ieħor huwa kien jagħmel ħiltu kollha biex ma jesponix inutilment lill-minorenni u li in vista ta’ din l-akkuża kien qed jikkontempla li ma jibqax jagħmel programmi bi tfal.  Żied li f’dan il-każ l-intenzjoni tiegħu kienet li jippreżenta lit-tifla bħala eroj li riedet tgħin lill-missierha.

Il-preżentatur saħaq li s-sorpriża kienet waħda drammatiżżata (re-enacted) u li t-tifla kienet taf x’ser jiġri minħabba li r-recording oriġinali tas-sorpriża kien intilef.  Dan il-fatt ġie kkorraborat mis-Sinjura Vella Micallef.

L-Awtorità tax-Xandir wara li semgħet lill-partijiet konċernati u wara li rat il-filmat relattiv ikkonstatat is-segwenti u ċjoe’:

Li l-Awtorità tax-Xandir  dejjem tat importanza kbira dwar il-protezzjoni tal-minuri. Dan huwa suġġett li jiddomina l-aġenda ta’ ħafna laqgħat internazzjonali għaliex kull regolatur huwa konxju li servizzi tax-xandir, speċjalment dak li huwa tradizzjonali u li jintlaħaq minn firxa wiesa’ ta’ nies, jistgħu ixandru materjal li jkun ta’ dannu għal minuri.

Il-provvedimenti tal-Avviż Legali 350.15 huma maħsuba biex jipproteġu lill-minuri u persuni oħra meqjusa vulnerabbli minn kull sfruttament għall-finijiet kummerċjali.  Paragrafu 4 tal-imsemmi Avviż Legali hija maħsuba biex jintalbu pariri professjonali  biex jiġi determinat jekk minuri għandhomx jitħallew jieħdu sehem f’ċertu programmi.  Ċertament li programm tan-natura bħal "Arani Issa" huwa ġeneru ta’ programm li dan il-provedimenti japplika għalih.

Il-leġislatur tant huwa konxju mill-ħtieġa ta' protezzjoni tat-tfal,  li jelenka proċedura sħiħa li l-preżentaturi għandhom isegwu qabel il-parteċipazzjoni tal-minuri fil-programm u dawn jinkludu li l-ewwel jinkiseb il-permess tal-ġenituri jew tuturi flimkien mal-parir ta’ persuna professjonali mill-Aġenzija Appoġġ.

F’dan il-każ jirriżulta li l-istazzjon naqas li jimxi mal-proċedura tal-liġi għaliex fl-ebda ħin ma ssottometta kopja tal-assessment exercise li kellu jsir mill-Aġenzija Appoġġ.

L-Awtorità ma tistax taqbel mat-teżi li għamel il-preżentatur waqt is-smigħ tal-każ u ċioe li fil-fehma tiegħu u tal-istazzjon it-tifla (Ruslana) ma kienitx il-protagonista tal-istorja.  Meta l-Awtorità analizzat il-programm, ikkonkludiet li ma taqbilx li t-tifla ma kienitx il-protagonista. Ruslana tidher fil-bidu tal-programm biex tinnomina lil missierha u saħansitra kienet il-focal point tas-sorpriża meta l-preżentatur għażel li jtiha sorpriża billi staħba taħt is-sodda tagħha u beda jgħajjat isimha.

Hawnhekk l-Awtorità tħoss li għandha tagħmel dawn is-seġwenti punti li ħadet in kunsiderazzjoni waqt id-deliberazzjoni dwar dan il-każ:

    • Huwa dak li jidher jew jinstema’ fuq il-mezzi tax-xandir li huwa suġġett għal provvedimenti tal-liġi anke jekk l-Awtorità tasal taċċetta li l-ħasda li ngħatat mill-preżentatur kienet waħda miftehma, kien ikun etikament korrett li l-istazzjon jindika dan fuq l-iscreen.    Il-fatt li l-istazzjon ippreżenta tali sorpriża bħala waħda awtentika jagħti lok għas-sensazzjonaliżmu.
    • L-Awtorità tħoss li l-mod ta’ kif il-minuri ingħatat qatgħa biex tingħata sorpriża mhuwiex mod dehen ta’ kif kellha tiġi ttratata din it-tifla.  Waqt il-filmat it-tifla instemgħet twerżaq u tat l-impressjoni li kienet imwerwra.  
    • L-Awtorità qed timxi fuq it-teżi li l-episodju oriġinali (fejn il-preżentatur jagħti qatgħa lil Ruslana) kien tabilħaqq seħħ u allura dakinhar it-tifla għaddiet minn esperjenza qarsa.  Mhijiex il-manzjoni tal-Awtorità li tidħol fid-dettal ta’ x’setgħa ġara jew x’ma ġarax.  Jibqa’ l-fatt però li jinħass li l-istazzjon qatt ma kellu jirrikori għall-azzjoni bħal din biex iwassal l-aħbar lil tifla li intgħażlet għall-programm. Jekk xejn, l-istazzjon kellu kull opportunità li jiddramatizza xena oħra li ma kienitx tkun daqshekk oġġeżżjonabli.

Intant l-Awtorità qieset ukoll li Ruslana kienet il-ħin kollu preżenti ħdejn missierha  waqt li l-preżentatur elenka it-tbatijiet li għaddej minnhom dan ir-raġel.  Barra minn hekk fl-introduzzjoni, ġie żvelat li t-tifla tbati minn attakki ta’ anzjetà u li ġieli kellha tidħol l-isptar minħabba dan.  Fil-fehma tal-Awtorità, dan huwa dettal żejjed li kull ma jagħmel hu li jesponi lil Ruslana għal vulnerabbilità speċjalment meta wieħed iqis l-implikazzjonijiet potenzjali fuq it-tifla fl-ambjenti tagħha bhall-iskola jew postijiet ta' rikrejazzjoni.

Il-fatt li Ruslana kienet ħdejn missierha waqt li dan stqarr kemm għandu problemi ta’ saħħa jkompli jesponi li din il-minuri għal-iskrutinju tal-pubbliku.  F’każijiet bħal dawn tali dettalji jistgħu jitqiesu li kisru l-jedd ta’ privatezza ta’ din it-tifla li bil-parteżipazzjoni tagħħa f’dan il-programm esponiet dettalji dwar ir-relazzjoni bejnha u missierha li ma kien fl-interess ta’ ħadd li jsiru pubbliċi.

L-Awtorità ma kienet issib l-ebda oġġezzjoni kieku l-missier deher fil-programm u ta l-kunsens tiegħu biex jiġu diskussi aspetti dwar saħħtu.  Però l-presenza tal-minuri tqajjem ħafna mistoqsijiet dwar il-mottiv tal-istazzjon li jinkludi lit-tifla flimkien mal-missier.

Huwa dmir tar-regolatur li jħares l-interessi tal-minuri u jieħu dawk il-miżuri biex iwassal messaġġ ċar li għandu jkun hemm ħarsien xieraq u skrupluż dwar il-protezzjoni tat-tfal fi programmi ta’ din ix-xorta. Huwa minħabba f'hekk li l-Avviż Legali jelenka bl-aktar mod ċar li “Min itella’ l-programm għandu jaħseb fuq kollox fil-ħtieġa ta’ ħarsien għal dawn it-tfal”

L-emfasi hija ċara li l-ħarsien u l-interess tat-tfal jisboq kull interess ieħor u għalhekk l-Awtorità jirriżultalha li fl-episodju ta’ Arani Issa  tas-7 t’Ottubru waqt l-istorja ta’ Ruslana u missierha, l-interessi tat-tifla ma ngħatawx prijorità u għalhekk l-akkuża tal-Kap Eżekuttiv ġiet ippruvata.

Dwar il-penali, l-Awtorità tfakkar li l-istess stazzjon diġà kellu każ simili waqt programm mis-sensiela Arani Issa li xxandar f’Marzu 2012 dwar minuri li kien jenħtieġlu intervent kirurġiku f’widnejh.  Dakinhar l-Awtorità, waqt laqgħa li nżammet nhar il- 5 ta’ Ġunju 2012 kienet ikkonkludiet li "… kummenti li kienu saru waqt il-programm mill-preżentatur kienu fil-fatt jesponu inutilment aspetti personali u negattivi fil-ħajja tal-protagonista minuri li kienu aktar ta’ detriment milli ta’ benefiċċju għall-istess, partikolarment fejn jidħol il-bullying.  L-Awtorità innutat ukoll li l-istazzjon ma ġġustifikax in-nuqqas tiegħu li jipproduċi, kif legalment obbligat, l-analiżi tal-minuri mill-Aġenzija Appoġġ”.

Peress li l-għan aħħari tal-Awtorità huwa li jagħmel l-istazzjonijiet konxji ta’ nuqqasijiet u mhux li jimponi l-multi, f’dak il-każ partikolari kienet ittieħdet deċiżjoni li l-multa ta’ €2,330 marbuta ma’ dan il-ksur kellha tiġi sospiża għal żmien sena.

L-Awtorità tinnota b’dispjaċir li jidher li minkejja tali deċiżjoni, l-istazzjon għażel li għal darba oħra jxandar storja oħra ta’ minuri mingħajr ma jsegwi l-provvedimenti tal-liġi bl-iskuża li l-minuri ma kienitx il-protagonista tal-istorja.

Għalhekk, l-Awtorità f'dan il-każ iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ €2,330, liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mid-data ta' din id-deċizjoni.

Illum 20 ta’ Novembru, 2013