ONE - Arani Issa - 11/25 ta' Frar 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Arani Issa tal-11 u l-25 ta’ Frar, 2010 fuq ONE TV ma kienx hemm separazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar hekk kif elenkat fiċ-ċirkulari 11/09 dwar l-interpretazzjoni tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, u kif ukoll ksur ta’ paragrafu 4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir.

L-Awtorità kienet semgħet lil Ms Joanna Spiteri, Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring, lill-istazzjon li kien rappreżentat minn Ms Ruth Vella, Senior Manager Broadcasting u mill-Produttur Dr Joseph Chetcuti li kkontenda illi l-akkuża fil-konfront tal-programm li xxandar fil-11 ta’ Frar, 2010 kellha tkun revokata peress illi dan il-programm kien ixxandar ftit jiem biss wara laqgħa li kienet saret mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità fejn kienu ġew diskussi u iċċarati punti konnessi mal-aspett kummerċjali tal-programm.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li:

(i) ma kelliex tipproċedi kontra l-istazzjon fir-rigward tal-edizzjoni tal-programm tal-11 ta’ Frar, peress li dan il-programm kien ixxandar ftit jiem wara laqgħa li kienet saret maċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità fejn kienu ġew diskussi u iċċarati punti konnessi mal-aspett kummerċjali tal-programm u fejn kien hemm qbil dwar kif dawn kellhom jiġu ppreżentati sabiex il-programm jikkonforma mal-liġi,

(ii) ma kelliex tipproċedi kontra l-istazzjon fir-rigward tal-parti ta’ l-akkuża li kienet tikkonċerna l-ksur ta’ paragrafu 4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir, peress li t-taqsima relattiva fil-programm ma kinitx taqa’ taħt dawn ir-regolamenti.

Madanakollu, l-Awtorità qablet li fir-rigward tal-parti l-oħra tal-akkuża, l-programm tal-25 ta’ Frar, 2010, ma kienx osserva l-provvedimenti f’paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir fil-kuntest tal-interpretazzjoni permezz ta’ ċirkulari 11/09 meta ma kienx hemm separazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-persuna li applikat il-make-up fuq il-parteċipanta kienet l-istess persuna li dehret f’reklam għal Chemimart liema kumpannija hija wkoll sponser tal-programm.

L-Awtorità kkostatat illi fiċ-ċirkostanzi tal-każ in eżami minkejja li xi reklami ixxandru wara t-tmiem tal-programm, il-mod ta’ preżentazzjoni tagħhom ma kienx jirrispetta s-separazzjoni adegwata rikjesta mill-liġi stante li l-preżentazzjoni tagħhom inkluż l-element viżiv kienet tirriduċihom bħala parti integrali mill-programm.

In vista ta’ dan, l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata kif indikat, u peress li din ma kinitx l-ewwel darba li l-istazzjoni instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha timponi penali amministrattiva ta’ ta’ elf mija u erbgħa u sittin Ewro (€1,164) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.