ONE - Arani Issa - 14 t’ottubru, 2017




Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Arani Issa tal-14 t’ottubru, 2017


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE Productions rigward il-programm Arani Issa li xxandar fl-14 t’Ottubru, 2017 fejn kien allegat ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet: Artiklu 16K(a) u Artiklu 16M(3)(ċ) tal-Att dwar ix-Xandir, kif ukoll Paragrafu 5 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u fl-aħħarnett, fil-programm kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M(3)(d) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li dan il-programm m’għarrafx lit-telespettaturi b’mod ċar bl-eżistenza ta’ tqegħid tal-prodott meta matul dan il-programm ixxandret rokna dwar il-ħwejjeġ Ana Morena biex it-telespettaturi jaraw liema libsa se jkunu qed ilibbsu lill-parteċipanta. Madankollu, fil-filmat intwerew sett ta’ lbiesi li l-ebda waħda minnhom ma ngħatat lill-parteċipanta. Aktar minn hekk, l-istess filmat li deher f’din ir-rokna kien l-istess reklam tal-ħwejjeġ tad-ditta Ana Morena li deher fl-istess programm. Dan jikkostitwixxi ksur ċar ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li kien hemm assoċjazzjoni evidenti bejn il-kontenut tal-programm u r-reklamar, f’seduta li nżammet fit-13 ta’ Novembru, 2017.

L-istess ksur, jiġifieri ksur ta’ Artiklu 16K(a), seħħ meta fil-parti informattiva fil-programm deher Mark Stafrace li ta informazzjoni tax-xogħol li sar fuq xagħar il-parteċipanta, u fl-istess programm ixxandar reklam ta’ ħanut tax-xagħar b’Mark Stafrace jidher jagħmel ix-xagħar matul ir-reklam kollu. Fl-istess parti informattiva kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M(3)(ċ) minħabba li d-ditta Vitality’s dehret bi prominenza mhux dovuta għal tul ta’ ħin. Ta’ min jirrimarka li l-preżentatur introduċa u indirizza lil Mark Stafrace fir-rokna informattiva bħala Mark Stafrace tal-Vitality’s.

Servizz ieħor li sar ukoll fil-programm kien dwar servizz ta’ sbuħija fuq il-parteċipanta. Ir-rokna informattiva ġiet introdotta mill-preżentatur bħala servizz li ta Chic-Med Aesthetic Clinic u qal ukoll li r-ringrazzjament imur għal Dr Charlene u Oliver għas-servizz tagħhom. Aktar tard ukoll lejn l-aħħar tal-programm, Oliver minn Chic-Med Aesthetic Clinic ikkummenta b’mod estensiv dwar ix-xogħol li twettaq minn din l-imsemmija klinika. Dan kollu jikkostitwixxi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir.

Fil-programm ukoll ixxandret rokna fejn ingħatat informazzjoni estensiva dwar numru ta’ trattamenti provduti minn Chemimart għall-parteċipanta tal-programm. Dan bi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li r-rokna informattiva ġiet introdotta bħala servizz mogħti mill-Chemimart.

Fir-reklam tal-Camel Brand li xxandar matul il-programm kien hemm ksur ta’ Paragrafu 5 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li r-reklam ġie ppreżentat fis-sett tal-programm bl-istess xenarju u bl-udjenza li kienet preżenti waqt wieħed mill-programmi Arani Issa.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Micallef u lil Dr Joseph Chetcuti, produttur u preżentatur tal-programm, li minn naħa tiegħu qal li l-format tal-programm kien l-istess għal dak addottat is-sena ta’ qabel, madankollu kien konxju li dan il-fatt ma kienx skużanti.

Dr Chetcuti qal li hekk kif kien infurmat bl-akkuża huwa ħa l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja u jirretifika n-nuqqasijiet rilevati. Żied li fejn seta’ jsir it-tibdil dan sar minnufih u saħansitra kienu diġà ġew irrekordjati programmi bil-format il-ġdid, madankollu kien hemm partijiet minn programmi li kienu diġà ġew irrekordjati/finalizzati li f’dak l-istadju ma setax isir it-tibdil mitlub.

L-Awtorità, wara li rat id-dokumentazzjoni relattiva u ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni min-naħa tal-istazzjon, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali fl-ammont ta’ elf seba’ mija u ħamsin Euro (€1,750) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika. L-Awtorità qablet li n-nuqqasijiet ippreżentati fl-akkuża kienu sostanzjali u dan minkejja l-fatt li s-serje ta’ programmi ilha tixxandar għal diversi snin. L-Awtorità ddikjarat li l-fatt li kien hemm numru ta’ programmi diġà rrekordjati ma kinitx difiża u ma kellux jeżenta b’xi mod lill-istazzjon milli jindirizza n-nuqqasijiet minnufih, madankollu fiċ-ċirkostanzi kienet qed tagħti żmien sal-aħħar ta’ Jannar biex l-istazzjon jikkonforma pjenament mal-liġi u r-regolamenti viġenti. In oltre l-Awtorità ddiriġiet li kellha tinħareġ ċirkolari fejn l-istazzjonijiet jiġu infurmati li wara Jannar din kienet ser tkun aktar viġilanti u inqas tolleranti fejn jidħol ksur tar-regolamenti tar-reklamar.


Illum 1 ta’ Diċembru, 2017