Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-Konfront ta’ ONE rigward il-programm
Arani Issa li xxandar fit-8 ta’ Diċembru, 2018
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Arani Issa li xxandar fit-8 ta’ Diċembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Par 2.1 u 2.2 tal-L.S. 350.24, Ħtiġiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku peress li xxandru bejn 06:00 u 21:00 u Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta qabel dan il-programm ixxandar reklam tal-La Vallette (inbid) (20:39:08). Il-programm Arani Issa kien ukoll sponsorjat minn Marsovin bil-caption card turi d-ditta La Vallette (20:42:32). Dawn iż-żewġ istanzi xxandru bi ksur ta’ Par 2.1 u 2.2 tal-L.S. 350.24, Ħtiġiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku peress li xxandru bejn 06:00 u 21:00, matul dan il-programm ukoll wieħed mill-mistednin ingħata sorpriża fl-istabbiliment ta’ Choices, il-Pietà (21:42:25). F’din il-parti, it-telespettaturi setgħu jaraw diversi partijiet ta’ dan l-istabbiliment (inkluż il-brand) u ngħataw informazzjoni fosthom dwar kif tasal sar-reception desk. Dan sar minkejja li l-istabbiliment ma kellu xejn x’jaqsam mal-ħsieb tal-programm. Barra minn hekk, fil-parti fejn l-istess mistieden saritlu rhinoplasty, rappreżentant ta’ St Anne’s Clinic spjega kif l-intervent ma kienx isir biss bi skop estetiku (bħalma kienet ix-xewqa ta’ dan il-parteċipant) iżda kellu wkoll funzjonijiet mediċi. Dan sar bi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil-Ms Ruth Vella, f’isem ONE Productions u lil Dr Joseph Chetcuti f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nażmmet fis-17 t’April, 2019 li rrepeta l-argumentazzjoni fil-każ preċedenti u ċioe li x-xandir tar-reklami kien sar bi żball minn naħa tal-istazzjon u minn meta nġibdet l-attenzjoni l-produzzjoni kienet qed taħdem aktar mill-qrib mal-istazzjon biex isir ippjanar aħjar (mapping) tar-reklamar.
Żied li l-informazzjoni li ngħatat fil-parti dwar intervent estetiku fuq mistieden tal-programm kienet tikkonforma mar-regolamenti tal-Kunsill Mediku.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat il-filmat relattiv ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata fil-każ tar-reklamar għall-inbid u qablet li kellha timponi penali ridotta fl-ammont ta’ disa mija u tletin Euro (€930), liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.
Illum is-7 ta’ Mejju, 2019