ONE - Arani Issa - 9 ta' Marzu 2019




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm
Arani Issa li xxandar fid-9 ta’ Marzu, 2019

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Arani Issa li xxandar fid-9 ta’ Marzu, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta f’dan il-programm bejn id-21:00 u l-22:00 ixxandru total ta’ 16’ 16” ta’ reklamar u bejn l-22:00 u l-23:00 xxandru 14’ 56” ta’ reklamar. B’dan il-mod inqabeż l-ammont ta’ reklamar f’kull siegħa orarja hekk kif titlob il-Liġi. Matul dan il-programm ukoll ixxandar servizz mill-ħanut ta’ Ċentro Moda fejn fil-kuntest tar-rigal mogħti lill-parteċipanta saru diversi kummenti ta’ natura reklamatorja li jmorru ‘il hinn minn ħajr għall-forniment tar-rigal. Dan sar bi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil-Ms Ruth Vella, f’isem ONE Productions u lil Dr Joseph Chetcuti f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019. Peress li dan kien każ simili għal dawk diġa trattati l-istazzjon ippreżenta l-istess ġustifikazzjoni bħal fil-każi oħra preċedenti

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat il-filmat relattiv ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi penali ridotta fl-ammont ta’ disa mija u tletin Euro (€930), liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

Illum is-7 ta’ Mejju, 2019