ONE - Aroma Mattina - 21 u 28 ta' Novembru 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjonijiet tal-programm Aroma Mattina li xxandru fil-21 u t-28 ta’ Novembru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’Artiklu 16M(3)(ċ) tal-Att Dwar ix-Xandir għall-episodju tal-21 ta’ Novembru u Paragrafi 20 u 25(b) tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir għall-episodju tat-28 ta’ Novembru, 2014 meta waqt il-programm tal-21 ta’ Novembru kien hemm iffukar fuq il-magna tal-kafe Illy li ma’ ġenbha kien hemm ukoll prodotti tal-istess ditta li kkawża prominenza eċċesssiva, u dan bi ksur tal-provedimenti tat-tqegħid tal-prodott.  Intant, waqt il-programm tat-28 ta’ Novembru 2014 waqt ir-rokna tat-telebejgħ ta’ JB Stores kien hemm referenzi għall-ħwienet li kienu qed jiftħu l-Ħadd il-ġurnata kollha u li hemm għażla fil-ħwienet tagħhom.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sur Steve Aquilina li deher f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-27 ta’ Jannar, 2015.

Is-Sinjura Ruth Vella qalet li fl-irkejjen ta’ telebejgħ minkejja li l-istazzjon kien jagħmel ħiltu sabiex il-klijenti jkunu infurmati bl-aħjar mod dwar dak li huwa jew m’huwiex permissibbli, xi drabi jkun hemm mistiedna li japprofittaw ruħhom u jieħdu vantaġġ.  Żiedet li f’dawn il-każi l-istazzjon mhux dejjem għandu kontroll aktar u aktar meta r-rokna tkun live.

Minn naħa tiegħu s-Sur Aquilina qal li din kienet l-ewwel esperjenza tiegħu fil-qasam tat-telebejgħ.  Saħaq li l-każ dwar it-tqegħid ta’ prodott kien wieħed ġenwin ta’ interpretazzjoni konfliġġenti tar-regolamenti u ssottolinea l-fatt li huwa bħala produttur kien joqgħod ferm attent li jsegwi b’mod rigoruż il-liġi. 

Żied li minn naħa tiegħu kien qed iwiegħed li kien ser jagħmel dak kollu possibbli sabiex dawn in-nuqqasijiet ma jkunx ripetuti.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li ħadet nota tal-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u l-fatt li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ dan il-ksur f’dan il-programm, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.

 

4 ta’ Frar, 2015