ONE - Better Living - 4 t'Awwissu, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Better Living li xxandar fl-4 t’Awwissu, 2015, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir minħabba nuqqas ta’ separazzjoni adekwata bejn l-element reklamatorju u dak informattiv meta għal ħabta tas-6.00pm ixxandru numru ta’ reklami, fosthom wieħed ta' Prime Meat Shop li fih jidher is-Sur James Muscat u l-ieħor tal-Mattress Collection li fih dehret Mary Rose D’Alfonso. Intant, wara dawn ir-reklami, ixxandru żewġ servizzi informattivi. Wieħed kien mas-Sur Muscat li tkellem dwar il-laħam aħmar u dak abjad u l-ieħor mas-Sinjura D’Alfonso li tkellmet dwar saqqu tal-memory foam bil-cool gel.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Rennie Vella produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fit-22 ta’ Settembru, 2015.

Ms Ruth Vella Micallef filwaqt li ammettiet l-akkuża qalet li dan kien żball minn naħa tal-istazzjon fejn jidħol skedar ta’ ripetizzjonijiet ta’ programmi fis-sajf meta xxandru reklami meta ma kienx suppost li jixxandru.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjoni tal-istazzjoni in partikolari tal-ammissjoni u qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li dan instab ħati ta’ dan in-nuqqas iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali infrazzjoni.


Illum 12 t’Ottubru, 2015