ONE - Bonġu Bundy - 7/8/9/ t'April 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Bonġu Bundy tas-7, 8, u 9 t’April, 2010 fuq ONE TV, kien hemm ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir hekk kif interpretati permezz ta’ ċirkolari 11/09 meta  mistednin sinonimi ma’ stabbilimenti kummerċjali kienu mistednin f’irkejjen informattivi meta dawn irreklamaw jew kien sponsers tal-programm. 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon li kien rapprezentat minn Ms Ruth Vella u lill-produtturi is-Sur Charles Stroud u Ms Vanessa Chircop li kkontendew illi l-parteċipazzjoni ta’ Ms Mariella Scerri waqt rokna informativa fil-programm tad-9 t’April kien inċidentali u mhux ippjanata u kien b’hekk illi rriżulta l-ksur indikat fl-akkuża.  B’referenza għan-nuqqas ta’ separazzjoni indikat fir-rapport tal-monitoring kawżat minn referenza għall-isponsers, is-Sur Stroud irrilieva d-distinzjoni li kienet issir bejn sponser u entita’ kummerċjali li kienet tgħin fil-produzzjoni tal-programm b’mod aktar dirett, liema entita’ kienet tingħata ħajr waqt il-programm.  Is-Sur Stroud tenna li ma kienx ċar jekk din it-tip ta’ preżentazzjoni kinitx fil-fatt tmur kontra l-provvedimenti u l-interpretazzjoni elenkati fl-akkuża.

Is-Sur Stroud temm jgħid li l-produzzjoni kienet tagħmel l-almu tagħha biex tirrispetta r-regoli eżistenti saħansitra billi żżomm kuntatt mad-Dipartiment tal-monitoring.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata stante li kien hemm assoċjazjoni evidenti bejn uħud mill-mistednin fl-istudjo u r-referenza kummerċjali waqt il-programm bħal fil-każ ta’ Mary Sevasta, Mark Vassallo (Vascas) u Mariella Scerri (Orienta) li lkoll huma meqjusin personalitajiet sinonimi mal-attivita’ kummerċjali tagħhom, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twissi lill-istazzjon li minn naħa tiegħu kellu jara li tali nuqqas ma jirrepetix ruħu.