L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Clint on ONE tat-30 ta’ Marzu, 2013 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 6.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorships u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku meta fit-12.37p.m. l-istazzjon xandar reklam ta’ Tex Mex li kien jinkludi promozzjoni għal cocktails (two for one) kuljum bejn it-3.00pm. u s-7.00pm.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella, Senior Manager Broadcasting ta’ ONE Productions, f’laqgħa li nżammet fis-7 ta’ Mejju, 2013. Minn naħa tagħha Ms Vella ikkontendiet li r-riferenza għall-cocktails ma kienitx tinkludi l-ebda indikazzjoni li dawn kienu xarbiet b’kontenut alkoħoliku.
Żiedet li hekk kif waslet l-akkuża l-istazzjon ħa l-miżuri neċessarji sabiex ir-reklam jitwaqqaf.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet. Hija kienet tal fehma li għalkemm ġie stabbilit li fir-reklam ma jissemmix l-alkoħol, it-telespettatur kien jasal għall-konklużjoni li r-riferenza għall-cocktails kienet qed tirreferi għal xarba alkoħolika. Għalhekk ma kienx hemm dubju li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 6.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorships u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku. In vista tal-fatt li l-istazzjon ħa miżuri immedjati biex jirrimedja n-nuqqas u in oltre peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
15 ta’ Mejju, 2013