ONE - Dak li Jgħodd - 23 ta’ Jannar u fis-6 ta’ Frar, 2016




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Dak li Jgħodd tal-edizzjonijiet tat-23 ta’ Jannar u s-6 ta’ Frar, 2016 fuq TVM, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artikli 16K(a) u 16M (3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta matul il-programm li xxandar nhar is-Sibt 23 ta’ Jannar 2016, meta kien hemm numru ta’ istanzi li fihom dehru prodotti tad-ditta Smoochies u tuffieħ tad-ditta Val Venosta (f’dan il-programm b’mod partikolari deher it-tuffieħ tad-ditta Val Venosta). Il-prodotti eventwalment ingħataw bħala rigal lill-mistednin tat-tieni parti tal-programm. Infatti minkejja li dawn iż-żewġ prodotti kienu mqiegħda fuq il-mejda fl-istudio mill-bidu tal-programm, il-mistednin fl-ewwel parti ma ngħatawx la tuffieħ Val Venosta u anqas l-iSmoochies; il-mistednin fit-tieni parti ngħataw biss it-tuffieħ Val Venosta (verbalment) u minkejja li kien hemm iffukar fuq il-fliexken tal-iSmoochies, dawn anqas biss issemmew u/jew ingħataw). F’dan il-programm ukoll, matul l-ewwel parti, fil-preżentazzjoni tal-psikoterapista Ingrid Vassallo saret referenza verbali għall-kumpanija Willingness (il-kumpannija li ġejja minnha). Skont l-akkuża dan l-aġir mhux l-ewwel darba li kien innutat minħabba li r-rappreżentanti ta’ din il-kumpannija spiss ikunu mistednin f’dan il-programm. Intant, fil-programm li xxandar nhar is-Sibt 6 ta’ Frar 2016, waqt l-irkejjen informattivi fejn il-preżentatriċi tkellmet mal-mistednin tagħha, bħal fil-każ preċedenti kien hemm numru ta’ istanzi li fihom dehru prodotti tad-ditta Oral-B, Smoochies u tuffieħ tad-ditta Val Venosta (f’dan il-programm b’mod partikolari dehru l-prodotti tad-ditta Oral-B). Skont l-akkuża dan isaħħaħ l-argument li l-iskop tal-inklużjoni tagħhom fil-programm ma kienx dak ta’ premju skont Art. 16M(2)(b) iżda sar biss biex tingħata prominenza mhux dovuta. Tajjeb jingħad ukoll li fil-programm kienu nnutati pop-up adverts ta’ Oral-B kif ukoll ta’ Val Venosta li fil-kuntest komplew jaċċentwaw l-exposure għall-imsemmija prodotti.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Ms Claire Agius Ordway produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2016.

Minn naħa tagħha Ms Agius Ordway filwaqt li ammettiet li l-akkuża kkonfermat li l-exposure tal-prodotti fil-programm kienet eċċessiva minkejja li dan ma kienx intenzjonat. Żiedet li l-għan tal-produzzjoni kien li jingħata rigal b’rikonoxximent lill-mistiedna speċjali.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, minħabba t-trapass taż-żmien u l-fatt li din kienet l-ewwel okkażjoni għall-Bord il-ġdid li jisma’ u jikkonsidra ilmenti, iddeċidiet li twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.

F’dan il-każ ukoll l-Awtorità saħqet li kienet ser tkun aktar viġilanti biex il-Liġi u r-regolamenti dwar reklamar u teleshopping ikunu osservati bl-aktar mod ampju u b’aktar impenn mill-istazzjonijiet.

Illum 7 ta’ Settembru, 2016