Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm
Division 7 li xxandar fil-24 t’April, 2019
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Division 7 li xxandar fl-24 t’April, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li kien hemm kontenut li joffendi d-diċenża meta f’din id-drama xxandru xeni grafiċi ta’ stupru bejn irġiel detenuti f’ċella. Waqt din il-parti li xxandret bejn l-22.17 u 22.27, dehru żewġ xeni ta’ atti sesswali li kienu grafiċi tant li kienu jmorru kontra l-provvedimenti ta’ diċenza. L-ewwel xena kienet turi stupru ta’ priġunier fuq priġunier ieħor u dan fi sfond ta’ diskors u ffukar fuq l-aggressur waqt li kien qed isir l-att ta’ stupru. Anki x-xena minnha nnifisha kienet estensiva u dan kompla żied in-nuqqas ta’ diċenza.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Jason Zerafa li deher f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fil-31 ta’ Lulju, 2019.
Ms Ruth Vella kkontendiet illi x-xeni li għalihom saret referenza fl-akkuża kienu xxandru tard u apparti hekk l-argument dwar dak li jikkostitwixxi indiċenza kien pjuttost suġġettiv. Żiedet li waqt l-imsemmija xeni ma deher xejn espliċitu.
Minn naħa tiegħu is-Sur Jason Zerafa stqarr li kemm ilu fil-produzzzjoni huwa ma kienx konxju mir-regoli dwar dawn l-elementi fid-drama.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba fl-aħħar sentejn li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum il-5 ta’ Settembru, 2019