ONE - Fil-Kċina ma’ Malcolm - 23 ta’ Jannar, 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Fil-Kċina ma’ Malcolm li xxandar fit-23 ta’ Jannar, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 3.2 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.22 Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir meta l-preżentatur waqt il-kompetizzjoni tad-Domestica jagħmel domanda dwar il-prodott mingħajr ma’ dan ikun indikat bħala messaġġ promozzjonali.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li dehret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-15 t’April, 2014.

Minn naħa tagħha s-Sinjura Vella Micallef filwaqt li ammettiet li dan kien żball u nuqqas tal-istazzjon, iddikjarat li kienu ttieħdu miżuri sabiex dan in-nuqqas ma jirrepetix ruħu.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.

Illum 22 t’April, 2014