L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tat-3 ta’ Jannar, 2010 fejn ONE TV kiser il-paragrafi 30, 31 u 43 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. Kien hemm ksur tal-paragrafu 5.2 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir u ksur taċ-Ċirkulari 48/07 dwar ripetizzjoni ta’ programmi televiżivi.
Dwar dan il-każ l-Awtorità ikkostatat illi fir-rigward ta’ paragrafi 30 u 31 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-akkuża ma ġietx ippruvata madanakollu l-istazzjon kiser paragrafu 43 tat-Tielet Skeda peress li waqt li rringrazzjat lill-isponsors u l-istabbilimenti li kienu jgħinu l-programm, il-preżentatriċi tat dettalji żejda u promozzjonali dwarhom saħansitra f’każ partikolari (Connie’s Fish Shop) stiednet lit-telespettaturi jżuru l-imsemmi stabbiliment.
Fiċ-ċirkostanzi tal-każ, u ċjoe li l-akkuża ma ġietx ippruvata fit-totalità tagħha l-Awtorità iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon u ddiriġiet li l-programm għandu jibqà jiġi segwit sabiex jiġi assikurat li tali nuqqasijiet ma jirrepetux ruħhom.