Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispettur Bonniċi
li xxandar fil-25 ta’ Ġunju, 2019
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward it-trasmissjoni fuq ONE li xxandret fil-25 ta’ Ġunju, 2019 bejn it-20.37 u l-22.37 rigward il-produzzjoni teatrali ‘fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispettur Bonniċi’, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 1.3 tal-Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi għall-Familja (L.S. 350.18) meta matul dan il-ħin ixxandar kontenut mhux xieraq għal udjenza minorenni. Ta’ min jirrimarka li fl-ebda ħin mit-trażmissjoni ma kien hemm avviż jew tabella ta’ klassifikazzjoni li tindika li dan kien kontenut immirat għall-adulti. Minħabba l-lingwaġġ użat f’din il-produzzjoni, seħħ ksur ta’ Paragrafu 1.3 tal-Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi għall-Familja (L.S 350.18). Mir-rapport tal-monitoraġġ jirriżulta li kien hemm lingwaġġ li ma kienx adattat għall-ħin li fih ixxandret din il-produzzjoni.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon f’seduta li nżammet fil-31 ta’ Lulju, 2019.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tal-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba fl-aħħar sentejn li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum il-5 ta’ Settembru, 2019