ONE - Ilsien in-Nisa - 21 ta’ Mejju, 2020




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm

Ilsien in-Nisa li xxandar fil-21 ta’ Mejju, 2020

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Ilsien in-Nisa li xxandar fil-21 ta’ Mejju, 2020, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir. 

Għall-ħabta tat-20:35 fil-programm ixxandret intervista ma’ Charles u Ron li huwa stilisti tal-moda. F’din l-intervista, fost affarijiet oħra, Charles u Ron taw diversi dettalji speċifiċi dwar l-operat tan-negozju tagħhom matul il-perjodu tal-COVID-19. Waqt l-intervista ntqal li waħda mill-miżiuri li huma ħadu kienet dik li tejbu s-servizz tagħhom ta’ online shopping u li bdew jaħdmu fuq facemasks li jistgħu jintużaw kemm bħala aċċessorju kif ukoll bħala lbies ta’ prevenzjoni. Matul l-intervista, il-mistiedna irreferew għas-servizzi u n-negozju tagħhom u ma tkellmux b’mod inġenerali dwar is-sitwazzjoni li ġabet magħha il-pandemija fl-industrija tal-moda u l-ħwejjeġ. Deher ukoll chest super b’isem il-mistednin li kien jaqra Charles & Ron b’referenza ċara u espliċita għall-isem tal-kumpanija/negozju mmexxi minn dawn l-istilisti. 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri u lil-Ms Ruth Vella, f’isem ONE Productions u lil Ms Pauline Agius, Ms Clare Agius u Ms Claire Agius Ordway f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-8 ta’ Lulju 2020. 

L-Awtorita ħadet in konsiderazzjoni s-sitwazzjoni delikata u bla preċedent tal-COVID 19 u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom il-producers u l-istazzjonijiet biex ikompli jtellgħu l-programm f’din iċ-ċirkostanza. L-Awtorità ħadet in konsiderazzjoni wkoll li l-intervisti li saru, fosthom din ta’ Charles & Ron saru minħabba nuqqas ta’ kontenut li ffaċċjaw il-producers minħabba dawn iċ-ċirkostanzi. Aktar minn hekk l-Awtorità nnutat ukoll li Charles & Ron ma kellhom l-ebda reklam u lanqas ma kienu sponsors fil-programm u allura dan kien indikazzjoni li l-iskop tal-intervista saret minħabba li kellu jkun hemm tibdil fil-kontenut tal-programm f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji. 

Wara li l-Awtorità kkonsidrat iċ-ċirkustanzi kollha, kienet tal-fehma li minkejja li kien hemm nuqqas waqt l-intervista, qablet li ma ssibx l-istazzjon ħati minħabba dawn iċ-ċirkostanzi bla preċedent u speċifiċi li seħħew minħabba l-Covid 19. 

 

 

Ilum 20 ta’ Lulju, 2020