L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Il-Vjaġġ it-Tajjeb li xxandar fil-11 ta’ Jannar, 2015 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir.
L-Awtorità semgħet kemm lil Dr Joanna Spiteri u kif ukoll lil Ms Ruth Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-3 ta’ Frar, 2015.
Dr Spiteri issottomettiet li fil-programm in kwistjoni kien hemm servizz dwar il-vapur Quantum of the Seas permezz ta’ intervista ma’ Marie Falzon. Is-servizz twassal b’ħafna filmati li ppromwovu dak li għandu x’joffri l-vapur, aktar u aktar meta Ms Falzon qalet li jiġu l-Maltin fuq il-vapur u jieħdu "vacation of a lifetime". Fil-fehma tagħha dan kien jikkostitwixxi ksur tal-Liġi dwar ix-Xandir minħabba li dan kien reklamar li ma kienx distingwibbli minn kontenut editorjali.
Ms Ruth Micallef, għan-nom tal-istazzjon, ikkontendiet li minn naħa tagħha dan is-servizz kien jitratta l-maiden voyage tal-imsemmi vapur u a bażi ta’ każ simili fil-passat fejn il-varar ta’ vapur tal-kumpannija MSC Crociere kien meqjus bħala aħbar informattiva, ma kienx evidenti li s-servizz kien imur kontra l-liġi. In oltre Ms Vella qalet li l-vapur in kwistjoni u ċioe Quantum of the Seas ma kienx jidħol Malta u tul il-programm ma kienx hemm reklamar għalih.
Ms Micallef qalet li l-intervista kienet ispirata mill-Cameramen tal-istazzjon u dan peress li l-preżentatriċi tal-programm ma setgħetx tkun preżenti abbord, filwaqt li l-filmat użat waqt il-progamm kien ipprovdut mill-kumpannija u kien jinkludi news content.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li rrikonoxxiet li possibilment l-intenzjoni ma kienitx li jsir reklam għall-vapur partikolari madanakollu l-mod kif kien strutturat dan is-servizz kien jikkostitwixxi reklamar għall-kumpannija. In vista ta’ dan l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjoni instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum 18 ta’ Frar, 2015