ONE - Imperium Europa - 18 ta’ Mejju 2019




Deċiżjoni dwar Ilment minn Imperium Europa kontra ONE


L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Imperium Ewropa kontra ONE datat 18 ta’ Mejju 2019, fejn ġie allegat li tul il-kampanja elettorali ONE kien naqas li josserva u jaderixxi mad-Direttiva tal-Awtorità dwar il-parteċipazzjoni ta’ esponenti ta’ partiti differenti fil-programmi marbutin mal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u in oltre li bl-aġir tiegħu l-istazzjon kien kiser ukoll Artiklu 13 tal-Att dwar ix-Xandir li kien jirreferi għall-ħtieġa ta’ imparzjalità dwar temi ta’ kontroversja politika.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Adrian Spiteri għall-Imperium Ewropa u lis-Sur Jason Micallef Chairman ta’ ONE li kien akkumpanjat mis-Sinjura Ruth Micallef Vella, f’seduta li nżammet fil-21 ta’ Mejju, 2019.

Min-naħa tiegħu s-Sur Spiteri qal li minkejja d-Direttiva tal-Awtorità sa dakinhar l-istazzjon kien naqas li jistieden rappreżentanza ta’ Imperium Ewropa fil-programmi tiegħu u dan bi ksur tal-istess Direttiva u kien iwassal għal diskriminazzjoni kontra l-istess Imperium Ewropa.

Is-Sur Jason Micallef saħaq fuq il-punt li ONE kien stazzjon privat u bħala tali ma kellu l-ebda obbligu jistieden rappreżentanza minn partiti oħra u in oltre bħala prinċipju l-istazzjon ma kellux spazju għal veduti partikolari.

L-Awtorità, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet qablet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ in eżami stante li l-kampanja elettorali kienet għadha ma ntemmitx hija ma setgħetx tiddeċiedi fuq l-ilment quddiemha u għalhekk filwaqt li rriżervat id-dritt li tieħu passi ulterjuri, ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha għal wara l-għeluq tal-Kampanja Elettorali.

Il-Kap Eżekuttiv irreferiet għall-ilment minn Imperium Europa kontra ONE dwar ksur tad-Direttiva tal-istess Awtorità waqt il-Kampanja Elettorali għall-Parlament Ewropew, liema ilment kien ġie trattat fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2019. Żiedet li dakinhar l-Awtorità filwaqt li kienet sabet li ONE kien naqas li jaderixxi mal-imsemmija direttiva u l-obbligu li jistieden firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet fi programmi tiegħu kif kien sottomess fl-ilment, iddeċidiet li peress li l-Kampanja Elettorali kienet għadha mhix magħluqa din ma kienitx f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni finali u konklussiva u kellha tara x’kien ser jiġri fil-jiem suċċessivi.

Il-Kap Eżekuttiva qalet li wara tmiem il-Kampanja irriżulta u ġie konfermat illi ONE ma laqgħax it-talba ta’ Imperium Europa, kiser id-direttiva u ma onorax l-obbligi imposti fir-rigward tal-partiti/gruppi/movimenti l-oħra li kkontestaw l-Elezzjoni u għalhekk kienet qed titlob li l-Awtorità tiddeċiedi l-każ.

L-Awtorità ddiskutiet dan il-każ u qablet illi bl-aġir tiegħu ONE naqas li jagħti ‘rappreżentanza wiesgħa ta’ opinjonijiet’ u għalhekk iddeċidiet li l-ilment ta’ Imperium Europa kien jissussisti u kien ġustifikat. L-Awtorità filwaqt li qieset it-trapass taż-żmien u l-fatt li l-Elezzjonijiet kienu saru qablet ma kienx għadu opportun li jingħata rimedju.

Illum id-9 ta’ Lulju, 2019