ONE - Imperium Europa - 20 ta’ Mejju 2019




IIment minn Imperium Europa

L-Awtorità kellha quddiemha lment minn Imperium Europa kontra ONE datat 20 ta’ Mejju 2019, fejn ġie allegat li tul il-kampanja elettorali ONE kien naqas li josserva u jaderixxi mad-Direttiva tal-Awtorità dwar il-parteċipazzjoni ta’ esponenti ta’ partiti differenti fil-programmi marbutin mal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u in oltre li bl-aġir tiegħu l-istazzjon kien kiser ukoll ta’ Artiklu 13 tal-Att dwar ix-Xandir li kien jirreferi għall-ħtieġa ta’ imparzjalità dwar temi ta’ kontroversja politika.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Adrian Spiteri għall-Imperium Europa u lis-Sur Jason Micallef Chairman ta’ ONE li kien akkumpanjat mis-Sinjura Ruth Micallef Vella, f’seduta li nżammet fil-21 ta’ Mejju, 2019.

Min-naħa tiegħu s-Sur Spiteri qal li, minkejja d-Direttiva tal-Awtorità, sa dakinhar l-istazzjon kien naqas li jistieden rappreżentanza ta’ Imperium Europa fil-programmi tiegħu u dan bi ksur tal-istess Direttiva u kien iwassal għal diskriminazzjoni kontra l-istess Imperium Europa.

Is-Sur Jason Micallef saħaq fuq il-punt li ONE kien stazzjon privat u bħala tali ma kellu l-ebda obbligu jistieden rappreżentanza minn partiti oħra u in oltre bħala prinċipju l-istazzjon ma kellux spazju għal veduti partikolari.

L-Awtorità, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ in eżami stante li l-kampanja elettorali kienet għadha ma ntemmitx hija ma setgħetx tiddeċiedi fuq l-ilment quddiemha u għalhekk filwaqt li rriżervat id-dritt li tieħu passi ulterjuri, iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha għal wara l-għeluq tal-Kampanja Elettorali.

22 ta’ Mejju 2019