L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjonijiet tal-programm In D House li xxandru fit-3, 17 u 24 t’Ottubru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c) u Artiklu 16K(a) meta waqt il-programm tat-3 t’Ottubru, il-preżentatriċi għamlet kafe lill-preżentatur u kien hemm inkwadratura tal-magna tal-kafe Electrolux. L-istess ħaġa seħħet fl-edizzjoni tal-programm tas-17 t’Ottubru u rrepetut fl-edizzjoni tal-24 t’Ottubru. Intant, fl-edizzjoni tas-17 t’Ottubru, il-preżentatriċi intervistat lil Yani Ellul fejn quddiemu kellu żewġ bottijiet tal-Big Wipes u Spray. Il-mistieden tkellem dwar dawn il-prodotti mingħajr ma kien hemm indikazzjoni li din ir-rokna kienet reklam.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef, Senior Manager ta’ ONE Productions, li dehret f’isem l-istazzjon u lil Ms Pauline Agius għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Diċembru, 2014.
Ms Pauline Agius qalet li minkejja li kien veru li waqt il-preparazzjoni tal-kafa waqt il-programm kienet tidher il-magna dawn kien shots inċidentali u ma kienux intiżi biex isir reklam, Fil-waqt li fir-rigward tal-każ tal-Big Wipes u Spray ammettiet li dan seta’ jidher bħala reklam fil-fatt ma kienx u dan kien nuqqas iżolat u tul il-programm ma kienux issemmew ismijiet ta’ prodotti. Żiedet li minn meta inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon kienu ittieħdu l-miżuri sabiex tkun eliminata l-possibiltà ta’ ksur tal-liġi.
L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u stante li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf sebgħa mija u ħamsin Euro (€1,750) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 9 ta’ Diċembru, 2014