L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjonijiet tal-programm It-Tfal li xxandru fl-10 u l-15 ta’ Lulju, 2015, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M(4)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt l-edizzjoni tal-Ġimgħa 10 ta’ Lulju, waħda mill-atturi, f’xena minn festin, dehret tordna tazza inbid abjad. Il-barman staqsiha jekk jogħġobhiex il-La Vallette u deher iferra l-inbid fit-tazza. Intant, waqt l-edizzjoni tal-Erbgħa 15 ta’ Lulju, waqt xena fejn numru ta’ żgħażagħ kienu qed jiddevertu, wieħed minnhom offra drink lit-tfajla li kienet ma’ ġenbu u din talbitu Tequila Rose. Eventwalment il-ġuvni reġa’ deher mal-bar jordna l-istess drink u il-barman deher iferra grokk minn flixkun Tequila Rose. Dawn iż-żewġ xeni jistgħu jixxandru biss wara d-9.00pm u għalhekk jikkostitwixxu ksur tad-dispozizzjonijiet tal-liġi.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, li nżammet fit-22 ta’ Settembru, 2015, li minn naħa tagħha filwaqt li ammettiet l-akkuża ddikjarat li dan kien każ fejn l-istazzjon naqas milli jeditja siltiet minn edizzjoni ta’ serje li kellha tixxandar fis-Sajf, minħabba nuqqas ta’ riżorsi. Żiedet li meta xxandar l-ewwel darba l-episodju in kwistjoni kien konformi mal-liġi.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-istazzjon in partikolari tal-ammissjoni u filwaqt li esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha għall-atteġġjament tal-istess qablet li kellha tgħaddi messaġġ ċar li tali attitudni ma kienitx aċċettabbli. Fir-rigward tas-sanzjoni wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni ta’ deċiżjonijiet preċedenti u l-prassi addottata f’każi oħra simili qablet li peress li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon insab ħati ta’ dan il-ksur f’dan il-programm, din kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.
Illum 12 t’Ottubru, 2015