L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Kalamita tal-11 u l-25 ta’ Novembru, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 u Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir u kif ukoll Paragrafu 3.2 tal-Avviż Legali 350.22 dwar Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti tal-Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir meta l-istazzjon eċċeda l-ħin allokat għal reklami spot f’siegħa orarja u kif ukoll, li l-mistoqsijiet marbutin mal-kompetizzjoni kienu konnessi ma’ ktieb tar-Riċetti ppubblikat mill-mistieden fl-istess programm.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lis-Sur Roberto Francalanza li deher f’isem l-istazzjon, li minn naħa tiegħu ammetta l-akkuża.
In vista ta’ din l-ammissjoni l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur l-Awtorità iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
8 ta' Frar 2012