Deċiżjoni dwar akkuża maħruġa kontra ONE dwar il-programm Kalamita tal-21 ta’ Novembru 2023
Din l-akkuża tressqet quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir wara li l-istazzjon għażel li jikkontesta akkuża maħruġa kontrih dwar il-programm Kalamita ta’ nhar il-21 ta’ Novembru. Dr Joanna Spiteri, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, ibbażat l-akkuża fuq prominenza mhux dovuta ta’ prodotti kummerċjali.
L-istazzjon għażel li jikkontesta din l-akkuża u attenda għas-smigħ organizzat nhar il-11 ta’ Jannnar 2024. Għall-istazzjon dehru s-Sinjura Ruth Vella, Chairperson u l-producer tal-programm Kalamita s-Sur Ivan Baldacchino.
Matul is-smigħ il-Kap Eżekuttiv tat sfond ta’ din l-akkuża u semmiet li l-programm kien qed jiġi segwit mill-monitoraġġ. Qalet li dan il-programm jista’ jkollu product placement u l-akkuża qegħda fil-fatt minħabba prominenza mhux dovuta ta’ product placement. Qalet li din l-akkuża saret minħabba li għal ħin twil dehru l-inkwadraturi ta’ ditti u allura nkiser Art.16M(3)(d) tal-Att dwar ix-Xandir. Qalet li anke fil-kummenti tal-preżentaturi saru referenzi diretti għall-pro milk tal-Benna u fuq is-sett dehru l-kartun tal-Benna kontinwament waqt numru ta’ rkejjen fil-programm. Għaldaqstant fl-assjem jinħass li l-framing, l-exposure, u r-referenzi tad-ditti tal-prodotti kkontribwixxew għal ksur ta’ dan l-Artiklu.
Is-Sur Ivan Baldacchino wieġeb li l-kumpanija ma fehmitx il-kunċett ta’ undue prominence għaliex dak li sar is-sena l-oħra kien qed jerġa’ jsir din is-sena u li nfatti minn 5 pakketti tal-prodotti tal-Benna kienu qed jidhru 2 pakketti biss. Kompla li eżatt wara li ġiet irċevuta l-akkuża, il-produzzjoni ddeċidiet tneħħi kull placement. Semma li l-ispejjeż tax-xandir wara kollox iridu jiġu minn xi mkien iżda li fl-istess jum hu ħa azzjoni mmedjata. Is-Sur Baldacchino tenna li l-produzzjoni ta’ Kalamita ssir b’reqqa biex ma jkunx hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-leġislazzjoni. Kompla li dan in-nuqqas sar bi żvista.
Il-Kap Eżekuttiv irribattiet billi tat eżempju li jfiehem id-distinzjoni bejn product placement leġittimu u undue exposure. Semmiet ukoll il-placing u li altru jidher waqt intervista sħiħa u jidhru l-prodotti kollha fi friġġ kif fil-fatt deher f’dan il-programm, anke jekk il-friġġ hija ’l barra mill-kuntest u altru l-prodott ikun qed jintuża waqt il-programm.
Il-Bord għadda sabiex jikkunsidra din l-akkuża u nnota li kien minnu li l-istazzjon għamel sforz sabiex jaderixxi mal-liġi billi ħa azzjoni u ġew eliminati l-prodotti kollha. Madankollu l-Bord kostrett jikkunsidra l-materjal imxandar u fuq dawn il-linji sab li l-kontenut tax-xandira kien tassew joħloq undue prominence. Għalhekk iddeċieda billi sab lill-istazzjon ħati fuq din l-akkuża u qed jordna l-ħlas ta’ Euro2,330 skont Skeda 5 ta’ Kap.350. L-Awtorità qed titlob li l-penali tiġi mħallsa sa 60 jum minn mindu ħarġet din id-deċiżjoni.
22 ta’ Jannar 2024
Smigħ 01/2024 Numru 8
Ref: 63/01