L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjonijiet tal-programm Kalamita li xxandru fil-5, 22 u 26 ta’ Jannar, 2015 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta fl-edizzjonijiet tal-5 u s-26 ta’ Jannar kien hemm ir-rokna ta’ tisjir ma’ Ray Fauzza, liema rokna, skont il-preżentatur, kienet qed titwassal bl-isbaħ xewqat tajba ta’ Lurpak u waqt l-istess rokna deher diversi drabi pakkett butir Lurpak li kien imqiegħed fuq il-prodotti l-oħra u b’hekk ingħata prominenza żejda. Fl-aħħar tar-rokna il-preżentatur irringrazzja lill-butir Lurpak u kien hemm inkwadratura tal-pakkett tal-butir Lurpak flimkien ma’ fliexken u prodotti oħra.
Fl-edizzjoni tat-22 ta’ Jannar, kien hemm żewġ irkejjen tat-tisjir ma’ Rennie Zammit, liema partijiet tal-programm kienu qed jitwasslu bl-isbaħ xewqat tal-Miracle Foods. Waqt iż-żewġ irkejjen, għal diversi drabi, deher b’mod prominenti flixkun żejt (f’ċerti mumenti dehru żewġt ifliexken) tal-marka Stilla u fi tmiem ir-rokna dehret inkwadratura ta’ diversi fliexken taż-żejt tal-marka Stilla u dan bi ksur tal-imsemmi provvediment.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjoni u kif ukoll lis-Sur Alfred Zammit għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-10 ta’ Marzu, 2015 li minn naħa tiegħu ikkontenda li fl-edizzjonijiet tal-programmi in kwistjoni kien hemm konfużjoni u misunderstanding dwar l-interpretazzjoni ta’ kif kellu jkun ippreżentat product placement. Żied li wara li nġibdet l-attenzjoni għal dan in-nuqqas din ir-rokna ġiet kompletament eliminata.
L-Awtorità, wara li semgħet is-sottomissjonijiet, tal-partijiet, fil-waqt li rrikonnoxxiet il-valur edukattiv ta’ partijiet mill-programm li permezz tagħhom it-telespettatur kien jingħata nformazzjoni siewja dwar diversi suġġetti, u anke l-isforzi li qed isiru mill-produzzjoni biex jiġi evitat ksur tal-liġi dwar ix-xandir, ma kienx hemm dubju li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u stante li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, iddeċidiet li timponi l-penali relattiva fl-ammont ta’ €1750 liema penali kellha titħallas fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika.
Illum 18 ta’ Marzu, 2015