ONE - Kalamita - 9 t’April, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Kalamita tad-9 t’April, 2013 fejn ġie allegat li bejn it-3p.m. u l-4.00p.m. l-istazzjon xandar total ta’ 15-il minuta u 39-il sekonda ta’ reklamar bi ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella, Senior Manager Broadcasting ta’ ONE Productions, f’laqgħa li nżammet fis-7 ta’ Mejju, 2013. Minn naħa tagħha Ms Vella filwaqt li ammettiet l-akkuża spjegat li f’dan il-programm ikun hemm istanzi meta jkun hemm ċaqlieq ta’ items li jaffettwaw negattivament l-iskeda ta’ reklamar fil-programm li jmorru oltre l-ħin tal-clock hour. In oltre kkonfermat li qed isir kull sforz mal-produttur biex jottempera ruħu mar-regolamenti.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni min naħa tal-istazzjon u l-fatt li dan il-programm instab ħati drabi oħra ta’ tali ksur iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ €1,160, liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

15 ta’ Mejju, 2013